Id-donazzjonijiet fl-Istrina fuq medda ta’ ħames snin
L-Istrina ilha sinonima mal-għada tal-Milied sa mill-1995. L-Istrina sservi bħala ġbir ta’ fondi ċentrali għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). L-avveniment jistinka biex jinkoraġġixxi donazzjonijiet ġenerużi
minn Luigi Sghendo
F’dawn l-aħħar ħames snin, L-Istrina rreġistrat taħlita bejn tnaqqis ta’ €800,000 bejn l-2021-2022 u żieda ta’ madwar €300,000 bejn 2019-2020 u 2022-2023. Luigi Sghendo jagħti ħarsa fil-fond lejn kif marru l-affarijiet.
L-Istrina kien, għadu u jibqa’ l-iktar avveniment illi permezz tiegħu tispikka s-solidarjetà u l-qalb tad-deheb li għandu l-poplu Malti u Għawdxi. Kull sena, Malta tinġabar l-għada tal-Milied u tintefa’ quddiem it-televiżjoni flimkien mal-familja u tingħaqad mal-President qalb il-pjazza biex flimkien jiġbru donazzjonijiet li se jservu ta’ għajnuna kbira lil dawk fil-bżonn.
L-Istrina, rat titjib sinifikanti fid-donazzjonijiet din is-sena b’total ta’ €5.27 miljun wara li għal dawn l-aħħar sentejn l-avveniment irreġistra tnaqqis fl-ammont totali ta’ donazzjonijiet.
Fil-fatt, fl-2021 l-Istrina ġabret bejn wieħed u ieħor €5.84 miljun, €600,000 inqas fuq is-somma tal-2020 (€6.5 miljun), bir-raġuni ewlenija tkun minħabba l-Pandemija tal-COVID-19. Kien f’dan l-istess żmien ukoll li pajjiżna rreġistra livelli għoljin ta’ inflazzjoni, li saħanstira laħqu s-7.4%.
Bl-istess paragun fl-2022 l-Istrina ġabret madwar €5 miljun, €800,000 inqas mis-somma tal-2021.
Dan ifisser li l-2022 ra l-inqas ammont miġbur fl-aħħar ħames snin, €5 miljun, filwaqt li l-2018 kellu l-ikbar ammont miġbur, €7.1 miljun (preżentement dan huwa r-rekord tal-ogħla ammont miġbur waqt l-Istrina).
Immexxi bħala avveniment ta’ maratona ta’ 12-il siegħa, l-Istrina ilha sinonima mal-għada tal-Milied sa mill-1995. L-Istrina sservi bħala ġbir ta’ fondi ċentrali għall-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF). L-avveniment jistinka biex jinkoraġġixxi donazzjonijiet ġenerużi.
Fil-biċċa l-kbira, l-fondi miġbura jgħinu finanzjarjament biex isiru trattamenti mediċi lil hinn minn xtutna li jiswew ħafna flus, b’mod partikolari għall-pazjenti, inklużi tfal, li jeħtieġu kura speċjalizzata li mhux disponibbli lokalment.
Din l-Istrina kienet waħda sinifikanti għall-President George Vella hekk kif kienet l-aħħar waħda fit-terminu tiegħu. Waqt li esprima gratitudni hekk kif l-attività ntemmet f’nofsillejl, il-President George Vella faħħar lid-donaturi għall-wiri ta’ solidarjetà tagħhom u estenda l-apprezzament lill-organizzaturi tal-avveniment għall-isforzi tagħhom biex l-Istrina ta’ din is-sena tkun ta’ suċċess.
Diversi kumpaniji taw il-kontribut tagħhom permezz ta’ donazzjoni bil-għan li jgħinu jew forsi bit-tama li jtejbu ħajjet xi ħadd.
Uħud mill-ikbar somom li ngħataw kienu mingħand Kenneth Farrugia u Ernest Agius, CEO u COO tal-Bank of Valletta rispettivament, li ppreżentaw donazzjoni ġeneruża ta’ €200,000 lill-Istrina mill-Bank of Valletta. Barra minn hekk, €155,000 ġew ikkontribwiti mill-konsumaturi permezz tal-iskema tar-riċiklaġġ tal-fliexken, il-BCRS.
Tallinja kienet niedet inizjattiva fejn kull min juża s-servizzi tal-kumpanija, ikun qed jagħti sehmu għal kawża pożittiva. B’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President, Tallinja rnexxiela tniedi b’suċċess is-seba’ edizzjoni din is-sena li minnha nġabru €50,000.
Barraminnhekk, l-Istrina ma tieqafx biss fuq screen tat-televiżjoni jew fuq Tallinja. ‘lit-tfal għallimhom kmieni’ jgħid il-Malti, u hekk għandu jkun biex uliedna jitgħallmu x’inhi solidarjetà.
Filfatt, l-avveniment jestendi anke fl-iskejjel. Żgur li bosta minnha niftakru l-‘piggy bank’ li jasal fil-klassi fi żmien il-Milied u kulħadd kien jixħet xi ħaġa tal-flus, jew kont tmur id-dar issaqsi l’ommok tagħtik xi ħaġa żgħira tal-fidda.
Din is-sena, l-istudenti primarji u sekondarji, kollettivament ġabru bejniethom iktar minn €53,000 f’donazzjonijiet. Kull qatra tgħodd, anke ta’ dawk il-qlub żgħar.
Din is-sena, l-avveniment kien ospitat fis-Sala tal-Isport ta’ Ħal Kirkop, mibdula fi studio għall-okkażjoni u xxandret fl-istazzjonijiet televiżivi lokali.
2023 €5.2 miljun
2022 €5 miljun
2021 €5.84 miljun
2020 €6.5 miljun
2019 €6.2 miljun
2018 €7.1 miljun