Nhar l-Erbgħa saru l-aħħar testijiet tekniċi fuq Ragusa Xpress, il-katamaran li beħsiebu jibda jopera bejn Malta u Sqallija.
Dan is-servizz, li se jitnieda fil-ġejjieni u li sar minn investiment mingħand l-imprenditur Paul Gauci tal-famuż PAMA u PAVI, ħa l-pussess tal-marina u taż-żona tal-port.
L-aħħar testijiet huma kruċjali qabel ma jibdew jiġu offruti s-servizzi tal-katamaran kuljum bejn Malta u l-Marina di Ragusa fi Sqallija.
L-ILLUM tkellmet ma’ Giuseppe Cassi, is-Sindku ta’ Ragusa, fejn qalilna li “ninsab kuntent bħala rappreżentant ta’ Ragusa”. Cassi qalilna li jinsab pożittiv li dan is-servizz ġdid “se jġib miegħu vantaġġi kbar kemm għal Malta kif ukoll għal Ragusa.”
Cassi qal li permezz ta’ din il-konnessjoni diretta se tinbet relazzjoni ekonomika u kulturali bejn iż-żewġ naħat. Huwa qal li peress li t-turiżmu f’Malta huwa b’saħħtu s-sena kollha, se jkun ta’ benefiċċju għal Ragusa.
Il-katamaran ta’ daqs medju, li qabel kien magħruf bħala HSC San Giorgio, ġie rranġat b’mod estensiv għar-rotta Marina di Ragusa/Valletta, b’kapaċità ta’ 400 passiġġier u 18-il vettura.
Il-port turistiku ta’ Marina di Ragusa, żviluppat mill-konsorzju Tecnis fl-2005 bi €30 miljun f’fondi tal-UE, affaċċja problemi finanzjarji li wasslu għal-likwidazzjoni fl-2016. F’Ottubru 2022, il-grupp ta’ investiment Malti, immexxi minn Paul Gauci, assuma d-dejn ta’ Tecnis, akkwista l-kirja tal-port wara approvazzjoni ġudizzjarja.
Cassi qalilna li seta’ kien imprenditur kwalunkwe li għamel dan l-investiment għaliex li huwa importanti huwa li Gauci kien intelliġenti biżżejjed li jagħraf fejn għandu jinvesti. L-iktar importanti, skont Cassi, hu li dan il-proġett se jkun ta’ benfiċċju għaż-żewġ territorji, kemm benefiċċju ekonomiku, kulturali u anke soċjali.
Gauci għandu l-intenzjoni li, minbarra li jibdew is-servizzi ta’ kuljum, ikun hemm għan li jiżviluppa unitajiet ta’ bejgħ bl-imnut u residenzjali madwar il-marina, flimkien ma’ ristrutturar ta’ faċilitajiet ta’ tiswija tal-vapuri.
Il-katamaran Xpress Ragusa jikseb sinifikat wara s-sospensjoni tal-Ponte Ferries bejn Valletta għal Pozzallo f’Ottubru 2023.
Il-Marina di Ragusa, b’700 irmiġġ għal jottijiet sa 50 metru, hija mgħammra tajjeb u lesta biex tattira żieda fit-turiżmu.
Is-Sindku ta’ Ragusa, Cassi, sostna li Malta u Sqallija huma ġirien filwaqt li temm jgħid li tali proġett se jtejjeb il-konnettività, it-turiżmu, u l-opportunitajiet ekonomiċi bejn iż-żewġ destinazzjonijiet tal-Mediterran.