“Homelessness hija bla tikketta għaliex kulħadd jista’ jgħaddi minnha”
Elaine Camilleri tkellmet ma’ Anthony Camilleri, il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA. Il-YMCA hija organizzazzjoni mhux governattiva li tagħti daqqa t’id lil dawk li jsibu ruħhom bla saqaf, u jgħinuhom jerġgħu jqumu fuq saqajhom mill-ġdid
minn Elaine Camilleri
X’inhi l-missjoni tal-YMCA?
Bħala YMCA, aħna organizzazzjoni volontarja. Il-missjoni tagħna hija illi naħdmu sabiex ikun hawn aktar ġustizzja soċjali. L-ikbar qasam soċjali tagħna huwa x-xogħol li nagħmlu ma’ nies li huma bla saqaf fuq rashom, però nagħmlu wkoll ħidma ta’ prevenzjoni, u li nilħqu l-komunità (outreach). Apparti x-xelter li aħna għandna, noffru wkoll servizzi fil-komunità bħalma huwa drop-in centre fil-Ħamrun, nagħtu wkoll ‘after care programme’ u servizzi oħra.
X’ispirak tidħol taħdem f’dan il-qasam?
Jien għandi storja kemxejn stramba. Meta kont għadni l-Università, il-placement tiegħi kien fix-xelter. Wara li kont spiccajt il-placement, niftakarni ngħid lili nnifsi ‘qatt ma jien se naħdem f’dan il-qasam’; però b’xi mod, wara li ħlist mill-Università, erġajt sibt ruħi hawnhekk u issa ilni diġà 15-il sena. L-iktar ħaġa li timmotivani kuljum hija li xogħolna huwa li jagħti inkoraġġiment lil ħaddieħor. Dan għalija jfisser li qed nagħtu spazju lil nies biex jikbru u joħorġu t-talenti tagħhom. Din hija xi ħaġa illi mhux biss issir mal-klijenti, imma mal-voluntiera u l-ħaddiema tagħna. Qegħdin hawn biex nikbru u nitgħallmu aħna stess. Jien bdejt bħala voluntier, u llum il-ġurnata qiegħed hawnhekk bħala Kap Eżekuttiv.
X’inhuma l-isfidi ewlenin li l-YMCA taffaċċja?
L-isfidi li qed nara bħalissa, apparti l-bżonnijiet finanzjarji peress li aħna għaqda ta’ karità, hija d-domanda li żdiedu n-nies bla saqaf. It-talba ta’ nies illi qed jitolbu l-għajnuna qed tiżdied u apparti minn hekk qed naraw ukoll żieda fejn tidħol is-saħħa mentali. Fl-2022, konna lħaqna madwar 400 sessjoni ta’ terapija b’xejn. Is-sena l-oħra, fl-2023, ilħaqna madwar 800/900 sessjoni ta’ terapija b’xejn. Dan jurina li d-domanda tan-nies li ma jistgħux jaffordjaw dan is-servizz fil-privat qed jiġu jitolbuna dan is-servizz.
Mir-riċerka li ħriġna s-sena l-oħra, rajna illi n-nies li qed jitolbu s-servizz tagħna żdied fost il-Maltin. Mhux hekk biss, apparti l-fatt li l-Maltin huma 55% tal-klijenti li jkollna, żdiedu wkoll dawk ta’ nazzjonalità Ewropea – mhux bħala immigranti. Il-Maltin dejjem qed jiżdiedu.
X’tip ta’ programmi/servizzi toffru?
Bħala xogħol ta’ prevenzjoni, aħna naħdmu ħafna maż-żgħażagħ. Il-YMCA hija għaqda internazzjonali, organizzazzjoni għaż-żgħażagħ. Noffru prevenzjoni – aħna għandna dak li ngħidulu education programme. Jiġifieri li mmorru fl-iskejjel u nagħmlu laqgħat u diskussjonijiet differenti mal-istudenti dwar nies bla dar, laqgħat fuq ħiliet tal-ħajja (life skills), fuq leadership u temi relatati.
Ikollna wkoll programm tas-sajf, Y-Explore, fejn aħna nagħtu l-opportunità lil żgħażagħ li ġejjin minn disadvantaged background fejn ċerti affarijiet ma jistgħux jagħmluhom waħedhom jew mal-familjari tagħhom. Pereżempju, is-sena l-oħra kellna żewġ persuni li qatt ma siefru u tajniehom l-opportunità li jsiefru permezz ta’ youth exchange. Li kieku ma kinux f’dan il-programm, qatt ma kienu ħa jsiefru.
Għandna wkoll drop-in centre, li l-għan tiegħu kien li nfetaħ biex nilqgħu fih nies bla saqaf. Meta ngħid ‘nies bla saqaf’ mhux qed nirreferi għal dawk li forsi jgħixu f’karozza, jew li qegħdin f’xelter, imma dawk li litteralment qegħdin fit-triq. F’dan iċ-ċentru noffrulhom servizzi diversi, pereżempju li jistgħu jmorru u jinħaslu, jaħslu ħwejjiġhom, jekk ingħataw donazzjoni tal-ikel jistgħu jmorru u jsajru hemm; anke jiġu u jieħdu kafè mas-social workers.
Huwa ċentru wkoll li n-nies li jiġu u jqattgħu il-ġurnata hemm, għandhom aċċess għall-internet, ikun hemm is-social workers u l-professjonisti tagħna li jkellmuhom u jgħinuhom skont il-bżonnijiet tagħhom.
Kif evolviet il-YMCA maż-żmien?
Il-YMCA għamlet żmien li apparti xogħol maż-żgħażagħ (youth work), konna noffru xelter wieħed, Dar Nikki Cassar, li llum dan ix-xelter jagħti 34 sodda kull lejl.
Illum il-ġurnata bħala YMCA, apparti xelter, aħna nippruvaw kemm jista’ jkun nagħmlu xogħol ta’ prevenzjoni u ta’ outreach. Pereżempju, għandna grupp ta’ voluntiera li joħorġu darba fil-ġimgħa, aħna ngħidulu Y-Visible, fejn dawn imorru jfittxu lil dawn in-nies li qegħdin fit-toroq. Mhux biss nagħtuhom l-għajnuna li jkun hemm bżonn imma anke informazzjoni; ngħidulhom “isma’ jeżisti YMCA. Jeżisti l-Appoġġ”.
Barra minn hekk, hemm ukoll il-kura ta’ wara, l-aftercare. Aħna nibqgħu nsegwu l-klijenti tagħna anke wara li jkunu ħarġu mix-xelter. Qabel kienet il-Belt biss, imma issa nagħtu servizz f’lokalitajiet oħra, fosthom l-Imsida u Ħaż-Żabbar.
Bħala YMCA, kbirna. Is-sena l-oħra, apparti l-voluntiera, kellna 40 ħaddiem professjonist jaħdmu magħna.
Il-missjoni tagħna hija li nagħtuhom programm ta’ kura, forsi tinstema’ qisek dħalt fi sptar, imma dan huwa speċi ta’ kors. Permezz ta’ dan il-kors aħna ngħallmuhom ħiliet għall-ħajja, u ħiliet oħra sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti.
L-għan tagħna mhuwiex li dħalt f’xelter u issa għandek saqaf fuq rasek; imma li tajniek programm fejn tgħallimt.
Jekk tlift ix-xogħol, aħna ngħinuk tikteb is-CV, tfittex xogħol ieħor u, l-importanti, li żżomm ix-xogħol peress li llum tant hawn xogħlijiet u dak li jkun ibiddel minn wieħed għall-ieħor u jaf jispiċċa jitlef ix-xogħol.
Aħna ngħinuhom jerġgħu jidħlu lura fis-soċjetà forsi billi jikru.
It-tieni xelter tagħna huwa semiindipendenti, Y-Communial Home. Il-programm huwa differenti għaliex kollha jgħixu b’mod indipendenti, kollha għandhom iċ-ċavetta, u ma hemmx l-istaff dejjem magħhom. Tista’ ssejjaħlu bħala t-tieni pass tal-programm. Kellna każijiet fejn persuni ħarġu mix-xelter u bdew jikru flimkien. Aħna naraw li jinħoloq network bejniethom sabiex l-għan li jkunu indipendenti jintlaħaq.
Dan il-programm qiegħed hemm għal min ma jilħaqx isib saqajh mal-art fi 18-il xahar fl-ewwel xelter. Jekk iż-żmien jgħaddi, imbagħad wieħed jista’ jimxi għal 12-il xahar ġot-tieni xelter. Però dan mhuwiex dejjem il-każ għaliex kellna nies li ħarġu lura fis-soċjetà mingħajr ma għaddew għat-tieni fażi.
Fid-dawl ta’ persuni mingħajr dar, kif tikkollabora l-YMCA ma’ NGOs oħra, aġenziji tal-Gvern, jew imsieħba fil-komunità?
Dejjem hemm xi ħaġa li ssir ta’ kuljum. Aħna nikkomunikaw mal-homelessness team li hemm l-Appoġġ. Dan huwa tim ta’ ħaddiema socjali li jaħdmu f’dan il-qasam ta’ homelessness u ħafna mill-każijiet jidħlu minn hemm.
Naħdmu ma’ NGOs oħra, bħal pereżempju Dar Hosea, li hija esperta fil-qasam ta’ nies li jispiċċaw fil-prostituzzjoni. Ċerti każijiet jiġu minn hemm, kif ukoll każijiet ta’ vjolenza domestika, fejn jibdew magħna, imbagħad jimxu għal xelter ieħor aktar adattat.
Barra minn hekk, il-ħaddiema soċjali tagħna jaħdmu mas-Soup Kitchen u aħna mal-klijenti tagħhom sabiex naraw li dawn mhux sempliċement marru u kielu, imma naraw li ngħinuhom f’dak li jkunu għaddejjin minnu.
Tista’ taqsam magħna xi storja li ħalliet impatt fuqek?
Dejjem insemmi l-istess storja. Niftakar meta kont naħdem ix-xelter jien stess, kont xift f’lejliet il-Milied u niftakar illi l-Pulizija ċemplulna u ġabulna tliet persuni. Kienu tlett irġiel li ġew Malta mingħalihom se jsibu xogħol u spiċċaw kienu vittmi ta’ traffikar tal-bniedem. Irrealizzaw li dawn ġew ittraffikati u mistennija jaħdmu bħala sex workers. Dan jibqa’ mument partikolari għax lejliet il-Milied kulħadd ikun qiegħed id-dar u dawn it-tlieta spiċċaw bla saqaf imma sabu refuġju fil-YMCA.
Il-YMCA kif tinvolvi ruħha mal-komunità lokali biex tqajjem kuxjenza dwar il-persuni mingħajr dar?
Waħda mill-affarijiet li għamilna hi li ffukajna fuq ir-riċerka. Warrabna ftit mill-baġit u allokajnieh apposta għalhekk. Is-servizzi li nagħtu huma kollha bbażati fuq evidenza minn riċerka.
Ħriġna diversi riċerki differenti. Waħda mir-riċerki li għamilna hi l-‘Home Inclusration’ li tibbaża fuq nies bla dar, migrazzjoni u inklużjoni. Din għamilnieha grazzi għall-pjattaforma kontra l-homelessness. Bosta NGOs kienu parti minnha fejn iltqajna u rajna flimkien x’inhuma l-isfidi li jgħaddu minnhom l-immigranti. Minn din ir-riċerka konna ħriġna abbozz b’rakkomandazzjonijiet lill-Gvern b’affarijiet li jrid jaħdem fuqhom sabiex aħna nkunu nistgħu ngħinuhom aħjar.
Sentejn ilu ħriġna riċerka oħra, ‘Comtemporary Homelessness’, li ħadu sehem fiha diversi NGOs u xelters. Ridna naraw l-isfidi partikolari ta’ dawk in-nies bla saqaf f’dak iż-żmien ta’ bejn Jannar u Frar. Minnha konna sibna li minn 198 sodda li teżisti, 178 minnhom kienu meħudin min-nies bla dar. Dan uriena li x-xelters kienu qed jaħdmu b’kapaċità kbira. Mill-istess riċerka rriżulta li 58 kienu tfal. Konna skoprejna wkoll li żgħażagħ bejn it-18 u l-34 sena kienu l-iktar nies li spiċċaw bla saqaf. Rajna wkoll rajna żieda fil-Maltin.
F’riċerka oħra, konna morna lura għall-każijiet li ltqajna magħhom aħna, u minnha ħareġ li l-ikbar problema li wieħed jispiċċa bla dar hija l-problema ta’ flus, speċjalment fost l-irġiel. Però konna rajna żieda wkoll fil-problemi tal-familji speċjalment dawk fejn jidħlu separazzjonijiet, ġlied fil-familja, u anke vjolenza domestika, li hija l-iktar raġuni għala n-nisa jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
B’liema modi jistgħu individwi u negozji fil-komunità jappoġġjaw il-missjoni tal-YMCA Malta?
Naħseb l-aktar bżonn li għandna huwa s-sapport finanzjarju għaliex anke peress li rridu nimpjegaw professjonisti, dak dejjem jibqa’ l-ogħla bżonn għalina. Tistgħu tgħinuna wkoll fil-bżonnijiet tal-ikel għax dan mhux biss jitqassam fix-xelter tagħna imma anke jitqassam fid-drop-in centre u fil-komunità peress li nkomplu nsegwu lil dawk il-familji fil-komunità li jew jinsabu f’xifer il-faqar jew f’xifer li jispiċċaw bla saqaf fejn jorqdu. Kif tistgħu timmaġinaw, l-ikel huwa bżonn ta’ kuljum, u allura dan kieku jkun ta’ appoġġ kbir.
Il-maġġoranza tan-nies li jinqdew mis-servizzi tagħna huma kollha referuti u xi drabi jiġu huma minn jeddhom. Aħna dejjem nagħmlu assessjar qabel ma naċċettaw sabiex li naraw li l-każ huwa ġenwin u hemm bżonn li ngħinu. Dan iseħħ għax ġieli jkun hemm min jipprova jabbuża mis-servizz.
B’ħarsa ’l quddiem, x’inhi l-viżjoni tal-YMCA? Hemm xi inizjattivi ġodda li qed taħdmu fuqhom bħalissa?
Il-viżjoni tal-YMCA madwar id-dinja kollha hi l-‘Vision 2030’, strateġija illi nixtiequ nilħquha f’kull YMCA fid-dinja kollha. Din tibbaża fuq erba’ pilastri: il-benesseri tal-komunità, dinja ġusta, xogħol sinifikanti u pjaneta sostenibbli. Aħna diġà qed naħdmu fuqhom, pereżempju l-ewwel pilastru għax noffru servizzi ta’ terapija; kif ukoll it-tieni wieħed li huwa parti mill-missjoni tagħna.
Preżentement qed naħdmu ma’ Deloitte, kemm fuq riċerka ma’ żgħażagħ madwar id-dinja, kif ukoll f’Malta sabiex nifhmu xi jfisser għalihom ‘xogħol sinifikanti’. Diġà qed joħorġu xejriet li nixtiequ naħdmu fuqhom. Pereżempju li jkun hemm bilanċ bejn ħajtek u xogħlok (work life balance) li llum m’għadux jeżisti.
Aspett ieħor huwa li l-iskola ma tgħallmekx fuq id-dinja tax-xogħol ta’ hemm barra u x’inhuma d-domandi tiegħu.
Lokalment, din is sena ħa nkunu qed naħdmu fuq grupp ta’ żgħażagħ sabiex iwasslu l-vuċi ta’ żgħażagħ oħra. Daqt se tasal l-elezzjoni Ewropea. Allura qed niġbru diversi opinjonijiet ta’ żgħażagħ li jagħtu l-fehma tagħhom dwar fejn jaħsbu li għandhom jiffukaw il-ħidma tagħhom il-Membri Parlamentari Ewropej u b’hekk dak li jixtiequ jwasslulhom jasal għandhom. Matul il-ftit xhur li ġejjin se nkunu qed naħdmu fuq podcast, organizzat mill-YMCA, miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ stess. U dan ħa jingħalaq b’konferenza, fejn nixtiequ li l- Membri Parlamentari Ewropej ikunu preżenti sabiex fl-aħħar mill-aħħar inwasslu lill-istakeholders x’qegħdin jaħsbu ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Taħseb li s-soċjetà Maltija hi konxja fuq dawn it-temi?
Illum il-ġurnata, in-nies huma iktar konxji, però naħseb li l-‘homelessness’ iġġorr magħha ċerta stigma, allura n-nies ma jurux. Ġieli ma jgħidux li għandhom bżonn l-għajnuna jew ma jurux li huma nies bla saqaf. Kellna nies li kienu jgħixu f’karozza jew kienu jikru garaxx mingħajr twieqi jew kamra tal-banju; imma ma jurux f’liema sitwazzjoni qegħdin. Nemmen li peress li hawn kuxjenza, in-nies tista’ tifhem li l-homelessness tista’ tiġri lil kulħadd. Qabel konna ngħidu li ‘għax homeless, mela għandu problema ta’ droga jew vizzju’. Imma din tista’ tiġri lil kulħadd. Kellna każijiet fejn nies spiċċaw bla saqaf minħabba mard. Illum huma ħafna li jikru u ġieli tispiċċa ma tlaħħaqx mal-finanzi u tispiċċa barra. Jien ngħid li l-homelessness hija bla tikketta. Għandna nies jaħdmu magħna li huma bla dar, però dawn ma jġorrux magħhom bandiera fuq rashom ‘isma’, jien bla dar’. Lit-tfal li joqogħdu magħna, il-vann tal-iskola jiġi jiġborhom minn quddiem ix-xelter. Irridu ninnormalizzawha, għax bħalma għedt, kulħadd jista’ jgħaddi minnha, imma fl-istess ħin nisperaw li n-nies jifhmu wkoll li l-homelessness hija sitwazzjoni li tirrekjedi ħafna għajnuna.