Uffiċjal tal-każ qed jirrakkomanda approvazzjoni għall-bini ta’ sitt vilel qrib il-Miżieb minflok kumpless turistiku mġarraf li nbena fis-snin sebgħin.
Is-sit qrib l-għerien ta’ Tal-Ħilda, li jħares lejn l-imsaġar tal-Miżieb f’żona magħrufa bħala Tal-Argentier, illum huwa buffer zone għal żona protetta.
L-iżvilupp qed jiġi propost minn kumpanija li fiha Joseph Portelli huwa shareholder.
L-iżvilupp jinvolvi t-twaqqigħ tal-kumpless turistiku li kien ilu abbandunat magħruf bħala Sunshine u jinbidel f’sitt vilel b’ġonna estensivi u pixxini.
Bħalissa, l-iżvilupp fuq is-sit jinkludi farmhouse ta’ 139sq.m, green house ta’ 340sq.m, barrakka agrikola, restorant ta’ 764sq.m u 640sq.m ta’ appartamenti turistiċi fuq footprint totali ta’ 1,883sq.m.
Skont l-uffiċjal tal-każ, l-istrutturi kollha f’dan is-sit huma koperti b’permessi li jmorru lura mill-1966 sal-1998.
Permess li jmur lura għall-1974 kien ikopri l-bini ta’ sitt appartamenti u wara nbidel fi appartamenti, filwaqt li permess li jmur lura għall-1991 kien approva l-bini ta’ farmhouse u mħażen.
Dawn il-permessi nħarġu qabel ma twaqqfet l-Awtorità tal-Ippjanar u qabel ma ż-żona kienet skedata għall-importanza ekoloġika tagħha. Peress li l-kumpless ilu ma jintużax, partijiet sostanzjali minnu ġew akkwistati mill-veġetazzjoni.
Skont il-perit tal-iżviluppatur, Maria Schembri Grima, iż-żona se tkun “imtejba viżwalment” peress li l-istrutturi eżistenti huma kbar u abbandunati filwaqt li l-iżvilupp il-ġdid se jokkupa footprint inqas.
Barra minn hekk, skont il-perit l-użu oriġinarjament prospetti għall-istrutturi kien aktar “intens” fuq l-inħawi mill-użu residenzjali li qed jiġi propost. Saħansitra ssostni li dan se jirriżulta f’iktar “kwiet”, inqas dawl u traffiku anke jekk il-kumpless ilu ma jintużax.
L-uffiċjal tal-każ sostna wkoll li l-iżvilupp propost se jirrappreżenta titjib fuq dak li jeżisti llum u saħansitra jsemmi titjib fuq l-iżvilupp ta’ 13-il residenza proposti f’applikazzjoni ppreżentata fl-2008 li sussegwentement ġiet irtirata.
Minkejja s-sensittività tas-sit, ma ġew ippreżentati l-ebda fotomuntaġġi biex juru l-impatt viżwali tal-iżvilupp propost.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ddeskriviet is-sit fejn il-vilel qed jiġu proposti bħala post ambjentalment sensittiv fiż-żona rurali iżda ma oġġezzjonatx għall-iżvilupp wara li nnotat li l-biċċa l-kbira tas-sit bħalissa huwa okkupat minn bini kummerċjali u residenzjali li jinsab f’ stat imġarraf.
F'okkażjonijiet preċedenti l-ERA kienet oġġezzjonat għal żviluppi li jikkontribwixxu għat-tixrid urban fiż-żoni rurali.
Iżda s-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali wissiet li l-proposta se twassal għal aktar konsolidazzjoni u formalizzazzjoni tas-sit, li jkollha impatt negattiv fuq il-pajsaġġ rurali u kulturali.
Id-Direttorat tal-Immaniġġjar tal-Iżvilupp tal-PA qed jirrakkomanda ħlas ta’ darba ta’ €41,075 lill-fond tal-ippjanar tal-Awtorità peress li l-iżvilupp jinsab fl-ODZ.
Il-proposta qed tiġi rrakkomandata għall-approvazzjoni fuq il-bażi tal-politika rurali li tippermetti l-iżvilupp mill-ġdid ta’ strutturi mġarrfa eżistenti għal użu residenzjali.
Deċiżjoni finali se tittieħed mill-Bord tal-Ippjanar fil-25 ta’ Jannar.