66 qarrejja tal-provi tal-Malti ġodda kkwalifikati

Mill-2006 sal-lum il-ġurnata temmew b'suċċess il-kors universitarju tal-qarrej tal-provi 691 qarrej, inkluż 66 minnhom li kisbu dan iċ-ċertifikat flimkien ma' warrant riċentament

Dan l-aħħar 66 qarrej tal-provi kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università u x-Xhieda ta’ Għarfien, il-warrant uffiċjali, mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Fost dan in-numru ta' qarrejja tal-provi ġodda hemm edukaturi, ġurnalisti, tradutturi, uffiċjali tal-komunikazzjoni f’entitajiet tal-gvern, skrivani mal-kunsilli lokali, u ħaddiema mis-settur privat.

Il-kors tal-qarrej tal-provi fetaħ l-ewwel darba fl-2006, u minn dakinhar 'l hawn temmew b'suċċess dan il-kors universitarju (MQF 5) 691 qarrej tal-provi. 

Dan il-kors part-time hu organizzat mid-Dipartiment tal-Malti, fi ħdan il-Fakultà tal-Arti, bis-sehem tal-Kunsill tal-Malti. Dan il-kors huwa twil sena, u jiftaħ fi Frar.

More in Socjali