Wara l-budget, żieda qawwija fl-ammont ta’ konvenji f’Għawdex
F’Novembru u Diċembru ġew iffirmati 315-il konvenju, jew medja ta’ ħamsa kuljum
More in Socjali
F’Novembru u Diċembru ġew iffirmati 315-il konvenju, jew medja ta’ ħamsa kuljum
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) tindika li fl-aħħar xahrejn tas-sena li għaddiet kien hemm żieda qawwija fl-ammont ta’ konvenji f’Għawdex. F’Novembru u Diċembru ġew iffirmati 315-il konvenju, jew medja ta’ ħamsa kuljum.
Persuni li jafu sew is-settur tal-propjetà f’Għawdex stqarrew li dan x’aktarx hu marbut mat-tħabbira fid-diskors tal-Baġit li l-iskema ta’ boll imnaqqas fuq propjetajiet Għawdxin se tintemm u minflok jissaħħu l-inċentivi għal min jixtri postijiet antiki u jirrestawrahom. Fid-dawl tal-kritika ta’ żvilupp ta’ ħafna appartamenti f’Għawdex, il-Gvern iddeċieda li fil-budget iwaqqaf din l-iskema u jsaħħaħ oħrajn.
L-iskema ta’ boll ta’ 2% fuq propjetà f’Għawdex kienet ġiet introdotta fil-Baġit għall-2017, inizjalment għal sena biss. Il-bejgħ tal-propjetà f’Għawdex kien ħa daqqa kbira wara l-2006, bl-ammont ta’ konvenji ffirmata jibqa’ ferm baxx sa għaxar snin wara. Dan kien jirrifletti nuqqas kbir ta’ domanda fid-dawl ta’ tkabbir ekonomiku relattivament dgħajjef. Fl-2011 f’Novembru u Diċembru, pereżempu, kienu saru 68 konvenju, jew medja ta’ wieħed kuljum.
Sal-2016, il-bejgħ kien kważi reġa’ laħaq il-livelli tal-2006, imma kien id-dħul tal-iskema ta’ boll anqas li waslet għal żieda fil-bejgħ f’Għawdex. Dan kien tela’ għal 277 konvenju fl-2018, jew kważi ħamsa kuljum.
Fl-2019 il-bejgħ kien naqas xi ftit, imma xorta kien sostnut, fil-livell ta’ 224 konvenju. Fid-dawl tal-effetti tal-pandemija, il-Gvern kien żied skema oħra ta’ roħs fil-boll, li kienet tkopri wkoll lil Malta. Din l-iskema waslet għal rekord ta’ bejgħ ta’ propjetà, speċjalment fl-2021 meta kienet se tieqaf.
Is-sena li għaddiet in-numru ta’ konvenji fl-aħħar xahrejn tas-sena kienu naqsu għal 257, minn rekord ta’ 458 is-sena ta’ qabel. Xorta dan kien ammont li jħabbatha ferm tajjeb mal-livell ta’ qabel il-pandemija.
Iż-żieda tas-sena li għaddiet wasslet biex kien osservat it-tielet l-ogħla ammont ta’ konvenji mindu bdiet tinġabar l-istatistika. Dan wassal biex il-Gvern ippospona t-tmiem tal-iskema sal-aħħar ta’ dan ix-xahar bl-għan li t-tranżizzjoni timxi aktar ħarir u mingħajr intoppi żejda.