Iż-żona f’Ħondoq ir-Rummien inkluż fejn hemm barriera qadima, u li ħalliet marka kera fil- pajsaġġ pittoresk tal-Qala, qed tiġi proposta li tiġi mħarsa mill-iżvilupp u allokata għall- afforestazzjoni.
L-Awtorità tal-Ippjanar (PA) ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika policy ta’ ppjanar riveduta għaż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, liema policy se jipprojbixxu kull forma ta’ żvilupp.
Il-policy proposta teskludi wkoll kwalunkwe faċilitajiet ta’ bajja addizzjonali, faċilitajiet kummerċjali ġodda jew l-intensifikazzjoni ta’ kwalunkwe użu kummerċjali eżistenti.
Iż-żona ta’ Ħondoq ir-Rummien, li hija waħda mill-aktar żoni pittoreski u verġni tal-gżira Maltija, li għandha veduti ta’ Kemmuna u l-Kanal tal-Fliegu, ilha taħt ‘theddida’ kontinwa biex tiġi żviluppata.
Sa mill-2002, kienet tressqet applikazzjoni għall-bini ta’ port u lukanda ta’ 195 kamra, yacht marina għal 200 jott u villaġġ turistiku għal 300 appartament.
L-PA sostniet li proposti għal proġett ta’ afforestazzjoni fiż-żona għandhom jinkorporaw karatteristiċi li jgħinu biex jattiraw ambjent selvaġġ u naturali kif ukoll il-ħolqien mill-ġdid tal-ħabitat.
Barra minn hekk, il-PA qalet li l-proġetti ta' afforestazzjoni għandhom jinkludu rotot biex imexxu l-fluss ta' viżitaturi pedonali fiż-żona. Iż-żona mhux se tkun aċċessibbli għat-traffiku tal-vetturi.
Għandhom jiġu kkunsidrati proposti għat-titjib tal-moll u l-islipway eżistenti sakemm l-interventi għandhom ikunu limitati prinċipalment biex jiġi rranġat dak li diġa hemm. L- Awtorità tal-Ippjanar qed tfittex ukoll ir-riabilitazzjoni kostali fit-tarf tal-Lvant taż-żona.
Iż-żona tal-għawm qed tkun riservata esklussivament għall-għawm biss u l-ebda forma ta’ faċilitajiet ta’ rmiġġ permanenti u/jew temporanji għal divertiment jew rikreazzjoni mhi se tkun permessa fiż-żona tal-baħar qrib iż-żona tal-għawm u l-linja tal-kosta.
L-Emendi proposti fil-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna flimkien mas-sottomissjonijiet riċevuti matul l-ewwel fażi tal-konsultazzjoni pubblika jinsabu disponnibli fuq il-websajt tal- Awtorità www.pa.org.mt/consultation.
Il-Awtorità tistieden individwi u organizzazzjonijiet biex jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom relatati ma’ dawn l-emendi permezz tal-indirizz elettroniku: [email protected].
Is-sottomissjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Awtorità sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Marzu 2024.