Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta rreġistra 49 rapport ta’ stupru fl-2023. Dan stqarru l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri nhar l-Erbgħa waqt seduta parlamentari.
Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Ian Vassallo għamel din il-mistoqsija waqt seduta lill-Ministru għall-Intern wara li kien diġà staqsa l-istess mistoqsija fil-bidu tax-xahar.
Dawn in-numri jammontaw għal kważi erba’ stupri fix-xahar, li huwa ammont pjuttost sinifikanti meta wieħed iqis il-popolazzjoni żgħira ta’ Malta.
Inizjalment din l-istess mistoqsija ta’ kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ stupru kienet tressqet għall-ewwel darba f’Jannar, filwaqt li t-tweġiba ngħatat propju ġimgħat wara.
Ta’ min jinnota wkoll li mhux l-istupri kollha huma rrappurtati lill-awtoritajiet minħabba numru ta’ fatturi soċjali u kulturali.