*Il-filmat fl-artiklu jaf ikollu xeni grafiċi*
Il-Kummissarju għall-Benessri tal-Annimali qed tinvestiga il-mod kif il-kelb Snoops ġie salvat wara li ħarġu filmati, li żvelaw nuqqasijiet ta’ “ħiliet, taħriġ, u attitudni” fost l-uffiċjali tal-Benessri tal-Annimali.
Il-filmati, li ġew ippublikati mill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati (AAA) fuq Facebook, juru uffiċjali li qed jużaw arblu tal-qbid fuq il-kelb ferut, Snoops.
Il-kelb kien instab bi ġrieħi minn tiri ta’ arma tan-nar, aktar tard deher b’ħabel ma’ għonqu u saqajh, kif ukoll denbu li kien miksi bid-demm waqt is-salvataġġ. Il-Kummissarju għall-Annimali Alison Bezzina semmiet il-gravità tal-inċident u enfasizzat il-ħtieġa kontinwa ta’ riżorsi umani msaħħa fi ħdan id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali, kif irrakkomandat qabel mill-2021.
Fl-istqarrija għall-istampa, il-Kummissarju għall-Benessri tal-Annimali (CAW) irkonoxxiet il-vidjows mibgħuta mill-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati. Il-Kummissarju, malli saret taf bl-inċident, talbet dettalji lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, iżda sal-iskadenza mogħtija, ma ngħatat l-ebda informazzjoni.
Bi tweġiba għall-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kummissarju beda investigazzjoni uffiċjali, filwaqt li fakkret li l-awtorità tal-Kummissarju hija konsultattiva, u kwalunkwe rakkomandazzjoni li ssir mhijiex obbligatorja; id-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali jżomm awtonomija biex jiddeċiedi jekk jimplimentax l-azzjonijiet suġġeriti.