Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta organizzat konferenza b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta (BOV) biex tesplora l-iżviluppi u x-xejriet ekonomiċi riċenti u mistennija. Kif ukoll se tesplora r-riskji ta’ żieda u tnaqqis fil-kuntest tat-trajettorja bażika għall-ekonomija ta’ Malta.
Fid diskors tiegħu, Nick Xuereb, Deputat President tal-Kamra tal-Kummerċ, qal li “Aħna għandna ngħinu u nkunu ta’ sapport għan-negozji sabiex jtejbu l-effiċenza u l-produttivitá. Filwaqt li l-inflazzjoni qed turi sinjali ta’ tnaqqis, huwa kruċjali li nimplimentaw l-aħjar mezzi proattivi biex inkunu pass ‘il quddiem.”
Min-naħa tiegħu, Malcolm Bray, Senior Manager tal-BOV sostna li “L-ekonomija ta’ Malta baqgħet b’saħħitha fl-2023 meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra.... L-ekonomija ta’ Malta se tkompli tkun fuq quddiem fiż-żona ewro... It-tensjonijiet ġeo-politiċi jkomplu joħolqu inċertezza, iżda dan huwa kkumpensat mill-fatt li l-proporzjon baxx tad-dejn pubbliku u l-likwidità għolja tal-banek għamluha possibbli li jittaffew ix-xokkijiet internazzjonali tal-enerġija u tar-rati tal-imgħax li seħħew wara l-pandemija.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra ta' Malta, Marthese Portelli saħqet fuq il-kunċett ta' inflazzjoni importata li qed timmanifesta f'diversi aspetti fi ħdan ix-xenarju ekonomiku ta' Malta. “Il-Kamra ta’ Malta enfasizzat diversi fatturi li jikkontribwixxu għall-pressjonijiet inflazzjonarji, inkluż żieda fl-ispejjeż tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru u bil-baħar, dipendenza fuq materja prima importata, xogħol importat, u piżijiet regolatorji mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, nuqqasijiet fl-infrastruttura tal-ilma u tal-enerġija u l-konġestjoni tat-traffiku jaggravaw dawn il-pressjonijiet.”
Portelli kompliet tenfasizza l-opportunitajiet ta’ żvilupp sostanzjali fis-setturi attwali, partikolarment it-turiżmu u l-manifattura.
Fl-aħħarnett, Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, stqarr li matul l-aħħar deċennji, l-ekonomija tal-pajjiż għaddiet minn żviluppi pożittivi sinifikanti, dan minkejja l-isfidi li ħarġu fil-proċess.