L-Awtorità għall-Ippjanar tapprova l-permess għaż-żarmar tal-impjant ta’ San Luċjan. Il-permess għad-dekummissjonar tal-impjant ġie approvat bil-għan li jibda l-iżmantellar tat-tankijiet u t-tindif tal-faċilità li kienet tintuża għall-ħażna tal-Heavy Fuel Oil.
Issa li ħareġ il-permess, il-kumpanija Petromal se tkun qed toħroġ sejħa (tender) bil-għan li t-tankijiet ikunu żmantellati sal-aħħar ta’ din is-sena.
Saru studji tekniċi u ambjentali tal-art, sabiex ikun analizzat x’tip ta’ dekontaminazzjoni hi meħtieġa meta t-tankijiet jibdew jiżżarmaw.
Dan il-proċess huwa parti mill-pjanijiet għall-proġett tas-Siċċa, investiment ta’ €40 miljun biex flok impjant għall-ħażna taż-żejt fin-Naħa t’Isfel ta’ Malta jkun hemm proġett sostenibbli.
Il-proġett maħsub jinvolvi 18,000 metru kwadru, b'hub li jgħaqqad spazji ta' rikreazzjoni ma' investiment fl-ekonimija ħadra u blu, qalet l-Awtorità.
Tul dawn l-aħħar xhur, Petromal kienet għaddejja bil-preparazzjoni tal-proċess għat-twettiq tal-pjan ta’ dekummissjonar, sabiex ix-xogħol isir b’mod sigur u b’ħarsien sħiħ tal-ambjent u l-komunitajiet li jgħixu fil-madwar.
Il-kumpanija Petromal lestiet il-pjan ta’ dekummissjonar b’konsultazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Wara sejħa għall-offerti, intgħażlu wkoll il-kuntratturi għall-immaniġġjar u l-uffiċjali ta’ saħħa u sigurtà meħtieġa sabiex dawn it-tnax-il tank jitnaddfu u jiżżarmaw.
Sadattant inħarġet ukoll is-sejħa għall-offerti biex jitnaddfu t-tankijiet minn waste oils u ħama. La darba dawn jitnaddfu, ikun jista' jingħata bidu għat-tneħħija tat-tankijiet u infrastruttura anċillari sostniet l-Awtorità.
Dan ix-xogħol kollu se jkun qed issir skont il-permessi ambjentali meħtieġa.