Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li jekk Malta ma tiddeportax migranti li mhumiex eliġibbli għall-ażil, il-pajjiż jiftaħ il-bibien tiegħu għall-immigrazzjoni irregolari, filwaqt li nnota li d-daqs ta’ Malta, “ma jippermettix dan”.
Il-Ġimgħa, Abela kien qed jieħu mistoqsijiet wara li Kusi Dismark, il-barbier tal-Ħamrun ġie ddeportat wara li kien ili jgħix Malta għal 13-il sena. Huwa nżamm minn uffiċjali tal-immigrazzjoni waqt li kien qed jaħdem fil-ħanut tiegħu fil-Ħamrun bl-awtoritajiet jgħidulu li kien suġġett għal ordni ta’ tkeċċija mill-2011.
Meta wieġeb għall-mistoqsijiet tal-gazzetta oħt - MaltaToday, Abela l-ewwel saħaq li Kusi ma ġiex deportat, iżda "kienet għażla tiegħu..għażel b’mod volontarju li jitlaq." Meta mistoqsi jekk id-deportazzjoni ta’ Kusi kinitx eżatt wara li kien integrat fil-komunità lokali, Abela qal li hemm ħafna oħrajn bi storja simili.
Abela spjega li kull min jiġi Malta b’mod irregolari għandu storja umanitarja u li l-applikazzjoni ta’ politki ta’ ripatrijazzjoni mhix deċiżjoni faċli. Madankollu, innota li jekk dan ma jseħħx, Malta tiftaħ il-bibien tagħha għall-immigrazzjoni irregolari, hekk kif żied li d-daqs tal-pajjiż ma jippermettix dan.
Il-Prim Ministru stqarr li Malta “dejjem salvat il-ħajjiet” u li dawk kollha li għexu Malta, “ġew trattati b’dinjità u rispett”. Minkejja din id-dikjarazzjoni, aħbarijiet dwar l-isfruttament ta’ ħaddiema barranin u immigranti mhumiex rari, u lanqas episodji xenofobiċi u razzisti. L-aktar, Lassana Cisse Souleymane li kien inqatel b’sparatura allegatament imwettqa minn suldati tal-AFM fl-2019.
Il-MaltaToday ippressat lil Abela fuq il-fatt li l-ordni ta’ tkeċċija ta’ Kusi kienet tmur lura għall-2011, li Abela wieġeb li d-deportazzjoni ta’ Kusi kellha sseħħ ilu. Minkejja dan, assigura lill-midja li l-awtoritajiet qed jagħmlu dak kollu li jistgħu.
Il-midja preżenti kompliet tagħfas fuq l-istqarrija li għamel Abela meta qal li Malta “dejjem salvajna l-ħajjiet,” hekk kif saret referenza għal Loujin Ahmed Nasif, ir-refuġjata Sirjana ta’ erba’ snin li mietet bil-għatx fuq il-baħar fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta fl-2022.
Abela stqarr li din ma kinitx ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Maltin. Il-midja nnutat il-kuntrast bejn il-mewt ta’ Loujin u l-wasla ta’ tifla ta’ tliet snin li ġiet Malta għall-kura wara attakki mill-ajru f’Gaża. Liċ-ċkejkna Selah, laqagħha l-Prim Ministru stess fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, hekk kif matul il-ġimgħa kien hemm diversi ta’ opportunitajiet għal ritratti ma’ Selah.
Abela qal li “b’differenza għal oħrajn,” huwa ma jipprovax jieħu ritratti minn avvenimenti sensittivi, hekk kif żied li ma kien hemm l-ebda kuntrast bejn iż-żewġ avvenimenti. Il-Prim Ministru nnota li Selah mhux se tkun l-unika tifla li se tiġi Malta mill-Palestina għall-kura.
Abela donnu ammetta li t-trattament ta’ Selah ma kienx “teknikament” responsabbiltà ta’ Malta, simili għal dak li kien qal dwar Loujin.