Ġie mħabbar proċess ta’ simplifikazzjoni fl-applikazzjoni għall-iskema Empowerment immexxija mill-Aġenzija Sapport.
Permezz ta’ din l-iskema, persuni b’diżabilità huma intitolati għal sussidju fuq xiri ta’ ċertu tagħmir u apparat assistiv. Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli.
Il-miżuri ta’ simplifikazzjoni huma:
· L-applikanti għandhom jippreżentaw stima waħda minflok tlieta għall-apparat assistiv, li jiswa bejn €400 u €3,000. Kwalunkwe oġġett jew apparat mixtri li jiswa bejn €100 u €300, jistgħu jinġabru flimkien biex jilħqu l-€400.
· Minflok rapport mediku, issa qed jiġi aċċettat ċertifikat mediku validu mit-tabib tal-applikant.
· Fil-każ ta’ talba għal sussidju fuq hearing aids, issa wieħed m’hemmx bżonn jippreżenta ċertifikat mediku.
Portelli fissret kif dan il-proċess ta’ simplifikazzjoni se jgħaġġel u jqassar il-proċess biex jagħmlu użu mill-oġġett li għandhom bżonn.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Oliver Scicluna enfasizza li l-għan tal-Aġenzija hu li tagħmel is-servizzi u l-iskemi li toffri dejjem aktar aċċessibbli waqt li ssaħħaħ il-proċessi li jsarrfu f’aktar kontabilità, trasparenza u effiċjenza.
Qal li l-iskema tal-Empowerment hija importanti fil-ħolqa ta’ servizzi mogħtija lill-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom.
Bejn Jannar u Diċembru 2023, ġew mogħtija ’l fuq minn €782,000 f’sussidju lil persuni b’diżabilità li għamlu talba għal għajnuna finanzjarja mill-iskema Empowerment, filwaqt li ġew approvati total ta’ 1,385 applikazzjoni.
L-iskema Empowerment tkopri wkoll tiswijiet fuq apparat mixtri taħt l-istess skema.