1,057 jirreġistraw għax-xogħol f'Jannar 2024

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li kien hemm nuqqas ta' 15-il persuna li rreġistraw għax-xogħol f'Jannar 2024 

FʼJannar tal-2024, in-numru taʼ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien taʼ 1,057. 

Minn statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) irriżulta li kien hemm nuqqas ta’ 15-il persuna li rreġistraw fl-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad fix-xahar ta’ Jannar 2024 meta mqabbel ma’ Jannar 2023. Min-naħa l-oħra, fit-Tieni Parti tal-istess reġistru l-għadd taʼ persuni qiegħda baqaʼ l-istess. 

It-tnaqqis fir-reġistrar deher fil-biċċa l-kbira tal-gruppi tal-età. 

66.8% ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw kienu rġiel. 

Sena għal sena, kien irreġistrat tnaqqis taʼ 25 persuna fl-għadd taʼ dawk li kienu ilhom jirreġistraw bejn 21 u 52 ġimgħa u tnaqqis taʼ erbgħa min-nies fl-għadd taʼ dawk li kienu fuq ir-reġistru għal iżjed minn sena. 

L-istess statistika turi li dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal anqas minn 21 ġimgħa żdiedu bʼ14-il persuna. 

FʼJannar 2024, in-numru taʼ persuni bʼdiżabbilità li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol naqas bʼsitta meta mqabbel mas-sena taʼ qabel, sabiex laħaq il-230 persuna. 

L-irġiel kienu jgħoddu 76.1% tal-għadd sħiħ taʼ dawk imniżżlin fir-reġistru tal-qgħad bħala persuni bʼdiżabbilità. 

24.8% tal-irġiel fuq ir-reġistru tal-qgħad kienu qed ifittxu imjiegi ta’ appoġġ klerikali, filwaqt li 36.5% kienu nisa li qed ifittxu l-istess tip ta’ impjieg. .

More in Socjali