Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbar it-tnedija ta’ programm ġdid ta’ inċentivi finanzjarji li jippromwovu għażliet ta’ trasport aktar nodfa u sostenibbli.
Din l-inizjattiva, maħruġa minn Transport Malta bil-għan li jitnaqqas it-tniġġis fl-arja mis-settur tat-traffiku f’pajjiżna
Kull individwu li jixtri e-kick scooter ġdid għall-użu personali u jirreġistrah ma’ Transport Malta se jkun eliġibbli għal inċentiv finanzjarju ta’ €150.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li għalkemm il-kiri tal-e-kick scooters ġie mwaqqaf, l-użu tal-e-kick scooters privati se jibqa’permissibbli u inkoraġġit bħala mezzi alternattiv u sostenibbli ta’ trasport.
“Se nkomplu ninvestu u ninċentivaw lil min jagħżel li juża mezzi alternattivi ta’ trasport li jħarsu aktar l-ambjent tagħna. Wara li diġà ħabbarna inċentivi finanzjarji għal vetturi elettriċi, qegħdin inħabbru skemi ġodda fejn jidħlu x-xiri tal-e-kick scooters privati”, kompla jgħid il-Ministru.
Huwa tenna li din l-iskema, flimkien ma’ inizjattivi oħra diġà implimentati, jenfasizzaw l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi politika favur l-ambjent u jagħmel differenza tanġibbli fil-qasam tat-trasport alternattiv.
L-applikazzjonijiet u aktar informazzjoni dwar l-iskema huma disponibbli u jistgħu jinkisbu mill-uffiċċji ta’ Transport Malta jew online mill-website ta’ Transport Malta www.transport.gov.mt.