Ġnien id-Dakkara: Ġnien ġdid f’San Ġwann li jiċċelebra n-naħla Maltija
92 siġra u 276 arbuxelli b'aktar trab tad-dakra u żoni għan-naħal biex jinkoraġġixxu d-dakkir
More in Socjali
92 siġra u 276 arbuxelli b'aktar trab tad-dakra u żoni għan-naħal biex jinkoraġġixxu d-dakkir
Żona mitluqa ta’ 1,000 metru kwadru, li tinsab fil-periferija ta’ San Ġwann, ġiet mibdula fi ġnien pubbliku li jiffoka fuq l-importanza tad-dakkir u n-naħla Maltija.
B’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann u Project Green, Ġnien id-Dakkara huwa spazju ieħor aħdar miftuħ fil-komunità. Madwar 570 familja li jgħixu f’din iż-żona jistgħu jaċċessaw dan il-ġnien b’mixja qasira.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech u l-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri fetħu dan il-ġnien ġdid.
Ġnien id-Dakkara se jinkludi siġar u arbuxelli b'aktar trab tad-dakra (pollen), li jinkoraġġixxu d-dakkir tan-naħal, kif ukoll santwarju għan-naħal f’żona speċifikament għalihom. Fl-istess ħin, il-ġnien joffri wkoll esperjenza ta’ edukazzjoni ambjentali għall-viżitaturi sabiex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tan-naħla Maltija.
Il-ġnien fih varjetà rikka ta’ flora, bi 92 siġra u 276 arbuxelli, inkluż siġar taċ-ċipress, tal-ħarrub, tal-kasti, tal-palm, tal-ballut u siġar tal-ġacaranda, flimkien ma’ ħxejjex aromatiċi magħżula biex jippromwovu d-dakkir.
Id-dakkara huma kontributuri essenzjali għall-bijodiversità lokali.
Il-Ministru Dalli enfasizzat li dan il-ġnien “jlaqqa’ flimkien l-edukazzjoni ambjentali, ir-rikreazzjoni u t-tisħiħ tal-bijodiversità tagħna, dan il-proġett juri livell għoli ta’ kreattività fi spazji miftuħa. In-naħal tal-għasel huma kruċjali għall-ekosistema tagħna, u jdakkru madwar 80% tal-uċuħ tar-raba’.”
Is-Sur Trevor Fenech, Sindku ta’ San Ġwann, esprima l-entużjażmu tiegħu għat-trasformazzjoni ta’ din iż-żona li darba kienet mitluqa, fi spazju aħdar ġdid fi ħdan il-lokalità.
Huwa kompla jenfasizza l-iskop multidimensjonali tal-ġnien li għadu kif ġie stabbilit, filwaqt li enfasizza r-rwol tiegħu bħala ċentru ta’ tagħlim għat-tfal. “Dan il-ġnien se jservi wkoll bħala ċentru ta’ tagħlim għat-tfal biex jitgħallmu dwar ir-rwol importanti li għandhom in-naħal fis-soċjetà tagħna,” żied Fenech.
Beverly Costa, COO ta’ Project Green, tkellmet dwar ix-xogħlijiet li saru biex inħoloq dan il-ġnien u li “Ser inkomplu naħdmu mal-kunsilli lokali, NGOs u partijiet interessati oħra biex noħolqu aktar spazji ħodor ġodda għall-komunitajiet tagħna,” qalet Beverly Costa