Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes u l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Malita Investments iffirmaw ftehim ta’ finanzjament ta’ €22 miljun għall-bini ta’ 267 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali u affordabbli f’Ħal Farruġ, fejn diġà beda x-xogħol ta’ kostruzzjoni.
Galdes sostna kif din is-sena pajjiżna se jara rekord ta’ investiment f’dan is-settur, kif ukoll rekord ta’ ftuħ ta’ akkomodazzjoni soċjali u skemi għal firxa wiesgħa ta’ benefiċċjarji. “
Il-Viċi President tal-Bank Ewropew tal-Investiment Gelsomina Vigliotti, qalet li dan l-investiment jikkonferma l-impenn tal-Bank li jimbotta ’l quddiem l-iżvilupp sostenibbli u jindirizza sfidi kruċjali u soċjali madwar l-Ewropa.
Iċ-Chairperson ta’ Malita Investments, Marlene Mizzi esprimiet sodisfazzjon għall-fiduċja li l-Bank Ewropew tal-Investiment wera fil-kumpanija, kif ukoll fil-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Farruġ.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u l-Kap Eżekuttiv ta’ Malita Investments Jennifer Falzon.