L-għaqda mhux governattiva Għawdix tappella lill-iżviluppatur ta’ Forti Chambray Micheal Caruana u lill-Gvern Malti sabiex jieħdu l-opportunità u jħaffu l-proċess ta' restawr biex tingħata l-ħajja lil dan il-post.
Fi stqarrija stampa, Għawdix kitbet “Għaddew għaxrin sena minn mindu ġie ffirmat il-ftehim, Forti Chambray mhux biss iservi bħala rovina imma anke bħala simbolu ta’ wegħdiet mhux imwettqa.”
Minkejja diversi stipulazzjonijiet għall-aċċess pubbliku kif iffirmat fil-ftehim fl-2004, dan il-monument storiku xorta waħda jibqa’ magħluq għall-pubbliku. “Fid-dawl tal-progress riċenti, is-sottomissjoni tal-applikazzjoni PA/03884/23 sabiex jibda l-proċess ta’ screening u terġa’ tibda it-tielet fażi tal-proġett, juru tama għall-ħajja mill-ġdid ta’ Forti Chambray,” qalet l-għaqda.
Din l-applikazzjoni tipproponi r-riabilitazzjoni tan-Naval Bakery u Polverista eżistenti, flimkien ma’ xogħlijiet ta’ restawr kif approvat taħt PA/00841/15.
“Ir-restorazzjoni tiegħu mhux biss jonora l-istorja rikka tagħna imma anke tirrikka l-kultura għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.”
“il-potenzjal li Fort Chambray jerġa’ jiftaħ il-bibiem għall-pubbliku mhuwiex biss suġġett ta’ sinnifikat storiku, imma testament tal-impenn biex ikun ippreservat u ċċelebrat il-patrimonju kulturali tagħna. Inħeġġu lill-partijiet interessati kollha involuti biex jagħtu prijorità lil dan l-isforz u jaħdmu b’mod kollaborattiv lejn futur fejn il-Forti Chambray ikun xempju ta’ kulturali u destinazzjoni għażiża kemm għan-nies tal-lokal kif ukoll għall-viżitaturi.”