Sar rapport għand il-pulizija kontra student li allegatament laqat lill-għalliem tiegħu nhar l-Erbgħa waqt test li kien qed iseħħ fi klassi ġewwa l-MCAST ta’ Raħal Ġdid.
Filmat mibgħut lill-gazzetta oħt MaltaToday juri l-għalliem irrabjat u jgħajjat mal-istudent biex jitlaq ‘il barra mill-klassi. Hekk kif l-għalliem avviċina l-istudent u neħħilu l-karta tat-test minn fuq il-mejda, l-istudent qam minn bilqiegħda u attakkah.
B’reazzjoni għall-każ, l-MCAST qal li ħa azzjoni immedjata u rrappurtaw l-inċident lill-pulizija.
“L-MCAST ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lill-membru tal-istaff, u għaddejjin proċeduri dixxiplinarji,” jingħad fi stqarrija.
“Aħna nikkundannaw bil-qawwa kull forma ta’ vjolenza u nqisu azzjonijiet bħal dawn bħala ksur intollerabbli tad-dinjità tal-impjegati u l-istudenti. Il-Kulleġġ ma jittollerax, u mhux se jittollera l-vjolenza kontra xi membru tal-komunità tagħna.”
L-MCAST qal li se jkun qed jieħu pożizzjoni qawwija kontra tali “imġieba inaċċettabbli u l-użu ta’ vjolenza,” li jistgħu jirriżultaw f’sospensjoni immedjata u tkeċċija mill-Kulleġġ.