L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qed toġġezzjona l-proposta ta’ unjin mandatorja mressqa ‘l quddeiem, speċjalment mill-General Workers Union (GWU).
Il-president tal-MEA Joanne Bondin qalet li kull miżura li tikkastiga lil min iħaddem fuq bażi ta’ jekk humiex koperti minn ftehim kollettiv huwa “inaċċettabli.”
Bondin qalet li l-MEA tappoġġja d-Direttica tal-Paga Minima, qafas ewropew sabiex titjieb il-paga minimna u l-ħaddiema jkollhom aċċess għall-protezzjoni. Però, Bondin qalet li filwaqt li l-liġi tistabbilixxi mira għal kopertura ta’ negozjar kollettiv fl-istati membri, ma tissuġġerixxi ebda forma ta’ sħubija obbligatorja f’unjin.
“Biex inkunu ċari, nemmnu li trade unions għandhom irwol importanti fid-djalodu soċjali...iżda min iħaddem m’għandu ebda rwol li jippromwovi sħubija ma’ trade union. Id-deċiżjoni li tingħaqad ma’ union jew le taqa’ f’idejn il-ħaddiem,” qalet Bondin.
“Konsegwentament, kull miżura li tippremja jew tikkastiga ħaddiema fuq bażi ta’ kopertura minn ftehim kollettiv jew le hija inaċċetabbli. Mhux se nippermettu ebda nozzjoni ta’ sħubija mandatorja ma’ union, jew penali li jeskludu lil min iħaddem milli jagħmel offerti għal kuntratti pubbliċi jew fondi tal-UE. Min-naħa l-oħra, nappoġġaw inċentivi għall-bini tal-kapaċità li jippermettu lill-unjins u lill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem jiffunzjonaw b’mod aktar effettiv.”
Id-Direttiva dwar il-Paga Minima tirreferi wkoll għal tnaqqis fil-faqar fost dawk li jaħdmu. Bondin qalet li l-faqar fost dawk li jaħdmu għandu jiġi indirizzat permezz tal-infurzar tad-drittijiet tal-impjegati, iżda l-aktar permezz ta’ titjib fil-ħiliet u produttività ogħla.
Bondin qalet li t-trasformazzjoni ekonomika kienet meħtieġa biex in-nies jitmexxew f’impjiegi b’valur miżjud ogħla b’żieda ġenerali fil-produttività nazzjonali li twassal għal kundizzjonijiet aħjar anke għal ħaddiema bla sengħa.
Qalet ukoll li s-settur pubbliku ta’ Malta kien wassal għal dipendenza fuq ħaddiema barranin, kif ukoll tefa’ l-ħtija fuq l-użu bil-mod tat-teknoloġiji tal-awtomazzjoni u tad-diġitizzazzjoni.
Bondin qalet li Malta kellha bżonn perspettiva fit-tul kif ukoll diskussjoni miftuħa dwar ir-rata ta’ fertilità ta’ Malta. “Għal Malta, dan jista’ jfisser brain drain ta’ riżorsi prezzjużi li se jfittxu kwalità ta’ ħajja aħjar x’imkien ieħor. Għalhekk, l-objettivi ekonomiċi jeħtieġ li jitfasslu flimkien mal-indikaturi tal-benessri, fosthom ir-rispett għall-ambjent naturali.”
Sostniet ukoll li l-iskandli politiċi qed irawmu d-diżillużjoni fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. “Qed isiru dejjem aktar xettiċi li s-suċċess fil-ħajja huwa frott ix-xogħol iebes u l-mertu, jew li l-ġustizzja hija għama. Ħafna qed jippreferu l-aljenazzjoni milli l-parteċipazzjoni, li hija stat ta’ fatt li huwa art fertili għal kultura tad-droga, li qed issir kwistjoni kbira fis-soċjetà tagħna.”
Bondin kompliet fis-suġġett tad-droga, u qalet li wasal iż-żmien li nippromulgaw leġiżlazzjoni li tibbilanċja d-drittijiet tal-impjegati, sħabhom u min iħaddem li jkunu taħt l-influwenza tad-droga u l-post tax-xogħol. Bħalissa hemm bosta lakuni li jagħmluha diffiċli ħafna għall-kumpaniji biex jimplimentaw politika dwar id-droga. M'hemm l-ebda skop li nippromwovu s-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol sakemm ma tittieħedx azzjoni deċiżiva dwar din il-kwistjoni.”
Bondin qalet li l-MEA riedet ukoll infrastruttura istituzzjonali xierqa għall-konformità mal-liġi tax-xogħol fuq ħaddiema barranin. “Ħafna Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi b’kuntratti ta’ xogħol skaduti inevitabbilment jispiċċaw jaħdmu fl-ekonomija s-sewda jekk it-tiġdid tagħhom ma jiġix ipproċessat fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. Ħafna min iħaddem iġorr ir-riskju li jżommhom anke jekk it-tiġdid ikun pendenti biex ma jħallihomx joħorġu fit-toroq.”