Tnediet il-bijografija tal-President ta’ Malta George Vella f’ċerimonja li saret it-Tlieta filgħaxija fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Fil-ktieb ‘George Vella – Il-President li għandu ħafna xi jgħid’, il-President jirrifletti dwar dak li għadda minnu fil-ħajja tiegħu, minn tfulitu sal-Presidenza.
Il-pubblikazzjoni tinkludi wkoll rakkonti u riflessjonijiet ta’ diversi personalitajiet li jafuh minn barra u minn ġewwa fosthom il-Perit Karmenu Vella, Joe Borg, Simone Borg, Alfred J. Vella, Joseph Cacciottolo, Jesmond Saliba, Mario Thomas Vassallo, Paulann Grech, Vincent Marmara, Lou Bondi, Helga Mizzi, Carmen Sammut u Sylvana Debono.
L-awtur Andrew Azzopardi wassal il-ħsibijiet u l-memorji mit-tfulija sal-Presidenza ta’ George Vella waqt li ddeskriva l-Presidenza bħala waħda ħajja, b’ħafna deċiżjonijiet li kellhom jittieħdu fis-silenzju. Waqt it-tnedija, Miriam Vella, mart il-President ta’ Malta, tat ħarsa lejn uħud mill-isbaħ u l-aktar mumenti diffiċli waqt il-ħames snin ta’ Presidenza.
Waqt it-tnedija, sar ukoll intervent minn Claire Micallef Pule, manager ta’ The Malta Community Chest Fund, li wkoll għamlet ir-riflessjonijiet tagħha fil-pubblikazzjoni. Hija qalet kif l-aktar kwalità li tammira fil-President George Vella hija dik li jisma’ bla preġudizzju. Hija rrakkontat ukoll aneddotu mal-pazjenti Maltin li kienu qed jirċievu l-kura f’Londra.
Saru wkoll interventi mill-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Alfred Sant, u l-eks Deputat Prim Ministru u Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Tonio Borg, li fil-bijografija wkoll għamlu r-riflessjonijiet tagħhom fuq George Vella.
Il-ktieb jinkludi wkoll aktar minn 70 paġna ta’ ritratti li jkopru l-ħajja tiegħu fil-familja, fil-politika u matul il-Presidenza.