Numru ta’ tfal li jbatu bl-awtiżmu għad ma jistgħux jattendu l-iskola bħal tfal oħrajn, minħabba li s-sistema edukattiva għad għandha bosta nuqqasijiet.
Minn flessibilità ta’ waqfiet (breaks), għal għalliema li ma jafux kif jaddattaw it-tagħlim għal tfal bl-awtiżmu, l-edukazzjoni Maltija għadha mhix lesta takkomoda bosta studenti b’diżabilitajiet li jfixklu t-tagħlim bħal awtiżmu jew ADHD severa.
Dr Melvin Attard ta’ The Malta Autism Centre tkellem mal-gazzetta Illum, fejn hu elenka bosta eżempji li l-NGO stess iltaqgħet magħhom.
Għad hemm bżonn taħriġ estensiv lill-għalliema u l-LSAs, irridu jitgħallmu kif nimxu ma’ studenti bl-awtiżmu … Nibża’ li mhux isir biżżejjed,” Attard qal.
Fost eżempji oħra, Attard semma kif hemm studenti bl-awtiżmu li l-materjal li biha hi magħmula l-uniformi tweġġagħhom, iżda jkunu sfurzati jilbsuha. Dan, kif spjega Attard, isir minħabba li l-istudenti jkollhom “sensory issues.”
Eżempju ieħor huwa li hemm studenti bl-awtiżmu li jirrikjedu aktar breaks frekwenti biex jikkonċentraw, jew aktar minn hekk, biex ma tirbaħhomx l-anzjetà.
Attard spjega li ġeneralment tfal bl-awtiżmu jkollhom intelliġenza kbira, iżda dan mhux dejjem ifisser li għandhom intelliġenza emozzjonali tal-istess livell.
“Ikollhom diffikultà soċjali minkejja l-intelliġenza tagħhom. Eżempju ma jiddifferenzjawx kif tkellem persuna t’awtorità, f’dan il-każ għalliem … Issib għalliema li ma tifhimx f’din il-kundizzjoni, u tgħidlek “qed jagħmel hekk għax kiesaħ,” kompla jgħid.
Fil-qasir, Attard semma kif l-NGO diġà ppreżentat strateġija lill-Gvern sabiex dawn il-problemi jiġu evitati, u iktar studenti bl-awtiżmu jkunu jistgħu jattendu l-iskola bħal tfal oħra.
Semma li l-aktar importanti huwa li l-Gvern jinvesti f’taħriġ. “Mhux biżżejjed teorija,” huwa qal, “wasal iż-żmien li t-taħriġ isir fil-prattika.”
Min huma The Malta Autism Centre?
Bħala NGO, The Malta Autism Centre, tispeċjalizza biss fuq persuni bi sferi differenti tal-awtiżmu. L-għajnuna tibda tingħata mal-ewwel mument li tifel jew tifla tingħata d-dijanjożi.
“L-iżgħar li tingħata hi ta’ madwar sena u nofs, sentejn, imma għandna nies ta’ kull età,” spjega Attard.
It-tabib spjega kif minn barra jidher li ma jkollhom xejn, iżda hemm sintomi li jibdew juruhom minn età żgħira.
“Meta jkunu żgħar, pereżempju, tibda tinnota li qed jilagħbu b’mod riġidu, jiffokaw fuq parti waħda biss tal-ġugarelli tagħhom.”
Attard spjega kif mhux kulħadd għandu l-istess tip ta’ sintomi, u mhux kulħadd ikollu bżonn l-istess tip ta’ għajnuna.
Qal li minkejja f’dan iż-żmien it-teknoloġija u l-andament fil-mediċina sar jippermetti dijanjożi kmieni, għandhom persuni li saru jaf bl-awtiżmu tagħhom f’età kbira, anke ta’ 40 sena. Qal li l-ikbar persuna li qed tieħu s-servizzi tagħhom bħalissa għandha 50 sena.
Bħalissa l-NGO għandha ma’ mitt persuna li jibbenefikaw mis-servizzi tagħha, imma hemm aktar jistennew għas-servizzi.
“Tweġġagħni nara nies fil-waiting list, iżda aħna niddependu mill-ġenerożità tal-pubbliku. Il-professjonisti tagħna huma kollha esperti mlaħħqa u mhux volontiera,” Attard kompla jispjega.
L-NGO taħdem id f’id ukoll mal-familji, speċjalment mal-aħwa.
“Nagħtu għajnuna lill-aħwa biex jifhmu minn xiex qed jgħaddu ħuhom jew oħthom. Ngħinu lill-ġenituri jibbilanċjaw ħinhom ukoll,” qal Attard.
Spjega li lill-ġenituri jagħmlulhom bosta workshops, fosthom kif ma jiffukawx biss fuq il-wild bl-awtiżmu. Dan iseħħ biex l-aħwa ma jarawx li ħuthom bid-dijanjożi qed jingħataw aktar attenzjoni minnhom, u b’hekk ma tinħoloqx rabja fihom.
Illum il-Ħadd, The Malta Autism Centre qed tistieden lilek, flimkien mat-tfal u l-familja tiegħek, biex tattendi “A Day for Autism.”
Dan l-avveniment mhux biss jiċċelebra l-persuni bl-awtiżmu iżda hu miftuħ għall-pubbliku bit-tama li jagħti aktar tagħrif dwar il-kundizzjoni nnifisha.
Il-ġurnata ġewwa l-Università ta’ Malta se tkun qed tinkludi mużika, ikel, diskussjonijiet, u ħafna aktar.