Tifla palestinjana ta’ 10 snin, se tkun qed tivvjaġa lejn Malta nhar it-Tnejn li ġej, biex tingħata kura fl-isptar Mater Dei.
It-tifla soffriet ġrieħi fl-għajn tal-lemin, li waslet biex titlef id-dawl fl-istess għajn.
It-tifla, Lara Abu Alkas, kienet evakwata minn Gaża flimkien ma’ ommha,skont l-Ambaxxata Palestinjana f’Malta.
Fi stqarrija, l-ambaxxata qalet li l-vjaġġ ta’ Lara lejn Malta kien possibbli permezz ta’ donazzjonijiet, kif ukoll sforzi kollaborattivi bejn l-Ambaxxata Palestinjana f’Malta u l-gvern Malti.
Fi Frar li għadda, Malta laqgħet lil Selah, tifla ta' tliet snin li baqgħet ħajja wara attakk mill-ajru Iżraeljan u l-istess, kellha bżonn kura medika.
Selah kienet tilfet lil ommha u lil ħuha waqt l-attakk mill-ajru.
“L-Ambaxxata Palestinjana testendi l-gratitudni tagħha lill-individwi ġenerużi li kkontribwew biex iġibu lil Lara u ommha Malta, filwaqt li nenfasizzaw il-ħtieġa urġenti ta’ appoġġ kontinwu,” qalet l-ambaxxata.
Kull min jixtieq jgħin biex iġib aktar tfal feruti minn Gaża f’Malta għall-għajnuna medika huwa mħeġġeġ jikkuntattja lill-Ambaxxata Palestinjana fuq 27801200.
Min hu interessat jista’ wkoll jikkontribwixxi finanzjarjament permezz ta’ Revolut fuq 99619998, jew permezz tal-BOV Mobile pay fuq 99922000.