Waħda mill-miri ewlenin tal-istrateġija tad-drittijiet soċjali tal-Unjoni Ewropea hija li sal-2030 ir-rata taż-żgħażagħ li la qed jaħdmu u la qed jistudjaw tonqos għal 9%. Skont il-Eurostat huwa biss f’terz tal-pajjiżi li din il-mira ġa ntlaħqet. Wieħed minn dawn il-pajjiżi huwa Malta. Fil-fatt Malta għandha t-tielet l-anqas rata ta’ żgħażagħ inattivi fl-Ewropa.
Dan hekk kif huma biss 7.5% taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li la qegħdin jistudjaw jew lanqas qegħdin jaħdmu. Dan meta madwar l-Ewropa r-rata hija ta’ 12.4%. L-agħar rata hija dik fir-Rumanija fejn kważi 21% taż-żgħażagħ huma inattivi. Warajhom hemm iż-żgħażagħ Taljani fejn ir-rata hija ta’ 18%, u anke ż-żgħażagħ Griegi għandhom rata simili.
Ir-rata ta’ żgħażagħ inattivi f’pajjiżna ilha nieżla. Fil-fatt fl-2012 din kienet kważi 14%, jew kważi d-doppju tar-rata preżenti. Bi dħul ta’ politika ta’ attivazzjoni, bħall-garanzija għaż-żgħażagħ, din il-problema kienet bdiet tiġi solvuta biex pajjiżna spiċċa sar wieħed minn dawk bl-aħjar riżultati madwar l-Ewropa.