Tliet kwarti tal-Maltin ma jaqblux mat-tipjip fil-pubbliku

90% tal-Maltin qalu li kemm il-darba raw persuni jpejjpu f’postijiet pubbliċi • Nofs il-parteċipanti Maltin qalu li raw ukoll tipjip isir f’postijiet frekwentati mit-tfal, inkluż btieħi ta’ skejjel u l-bandli

Ftit inqas minn tliet kwarti tal-Maltin jaqblu mal-emenda fil-liġi li ssegwi l-projbizzjoni fit-tipjip tas-sigaretti fi spazji miftuħa.

Mistoqsija dwar it-tipjip fil-pubbliku, madwar 90% tal-Maltin qalu li kemm il-darba raw persuni jpejjpu f’postijiet pubbliċi. Nofs il-parteċipanti Maltin qalu li raw ukoll tipjip isir f’postijiet frekwentati mit-tfal, inkluż btieħi ta’ skejjel u l-bandli.

Isemmew ukoll terazzini ta’ stabbillimenti bħal ristoranti u bars. Hawn, 38% tal-parteċipanti Maltin ammettew li minkejja llegali, rawha sseħħ ukoll. Il-maġġoranza qalu li ħafna drabi t-tipjip kien ta’ vapes. Fil-fatt, rigward il-kwistjoni, 77% tal-Maltin qablu li fejn hemm projbizzjoni ta’ sigaretti, għandu jkun hemm ukoll projbizzjoni ta’ vapes.

Intant, iktar min-nofs il-parteċipanti Malti qal li huma favur il-projbizzjoni ta’ togħmiet fil-vapes, biex ma jkunx imħeġġeġ l-użu tagħhom. Min-naħa l-oħra, ftit inqas minn nofs il-parteċipanti Maltin qalu li jixtiequ li jitneħħa r-reklamar mill-pakketti tas-sigaretti.

l-istarriġ tal-Ewrobarometru staqsa ukoll dwar il-mudell ta’ tipjip tal-parteċipanti. Hawn ħareġ li fost 504 partċipant Malti, 61% ma jpejpux, 22% jpejpu u 17% kienu jpejpu fil-passat iżda ma baqgħux.

In-nisa kienu l-inqas li qalu li jpejpu, waqt li l-maġġoranza li ammettew li jpejpju kellhom bejn il-25 u d- 39 sena.

Bosta mill-Maltin li kienu jpejpu fil-passat qalu li kienu jippreferu sigaretti elettroniċi, speċjalment meta ddeċidew li jaqtgħu mit-tipjip.

Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Maltin wieġbu li jippreferu sigaretti lesti fil-pakkett għal kuntrarju ta’ 14% li qalu li jippreferu jremlu s-sigaretti huma.

 

 

More in Socjali