Jintlemaħ bumerin wara 30 sena nieqes mill-ibħra Maltin
Din l-ispeċi hija fil-periklu kritiku fil-Baħar Mediterran, bil-popolazzjoni Mediterranja kollha maħsuba li ma taqbiżx l-1,000
More in Socjali
Din l-ispeċi hija fil-periklu kritiku fil-Baħar Mediterran, bil-popolazzjoni Mediterranja kollha maħsuba li ma taqbiżx l-1,000
Bumerin indiġenu għall-baħar Mediterran intlemaħ għall-ewwel darba nhar il-Ġimgħa wara 30 sena nieqes mill-ibħra Maltin.
Filwaqt li hija indiġena fir-reġjun tal-Mediterran, l-attività tal-bniedem wasslet biex din l-ispeċi tiġi kklassifikata bħala vulnerabbli. Din il-kreatura hija magħrufa wkoll bħala, il-foka monaka jew il-monka. L-aħħar terminu ġieli jużawh is-sajjieda għal speċi differenti fosthom dniefel kbar jew baleni.
L-aħħar li kien intlemaħ fil-baħar Malti kien fl-aħħar tas-snin disgħin. Madankollu, fi stqarrija, l-ERA, qalet li dawn huma rekords sporadiċi.
Sas‑seklu 20, il‑bumerini kienu magħrufa li jiltaqgħu, iwelldu, u jfittxu kenn fuq bajjiet miftuħa f’diversi partijiet tar‑reġjun tal‑Mediterran. Fi żminijiet aktar reċenti, jidher li abbandunaw dawn l‑ambjenti naturali aktar esposti u llum huma l‑aktar magħrufa minn żoni remoti u għerien tal‑baħar aktar imwarrbin u protetti, peress li dawn ħafna drabi huma inaċċessibbli għall‑bniedem.
Il-Ġimgħa Andrew Galea u Mario Muscat, lemħu l-bumerin u kienu ħfief biżżejjed biex jieħdulu ritratt.
Din l-aħbar mill-isbaħ ġiet milqugħa l-aktar mill-konservazzjonisti u l-bijoloġisti.
F’kumment dwar dan, il-bijologu marittimu Alan Deidun sejjaħ il-preżenza tal-bumerin fl-ibħra Maltin bħala “ritorn ta’ merħba” għall-ispeċi u rringrazzja lil Galea u Muscat talli rreġistraw l-lemħa.
Deidun spjega li din l-ispeċi hija fil-periklu kritiku fil-Baħar Mediterran, bil-popolazzjoni Mediterranja kollha maħsuba li ma taqbiżx l-1,000. “Hija prinċipalment ristretta għax-xtut tal-Greċja, Ċipru u t-Turkija. B'mod partikolari, l-ispeċi hija vulnerabbli minħabba inċidenti ma’ inġenji tal-baħar, it-tniġġis tad-dawl bil-lejl u l-intrużjonijiet tal-bniedem fil-postijiet li jeħtieġ biex ikattru,” kompla jgħid Deidun.
Il‑bumerin huwa protett mil‑liġi nazzjonali u internazzjonali. F’Malta, ilu ddikjarat legalment bħala speċi protetta mill‑1992. Il‑qbid, il‑qtil, it‑teħid u l‑kummerċ ta’ tali foki, kif ukoll id‑disturb intenzjonat ta’ din l‑ispeċi huma pprojbiti u soġġetti għal azzjoni legali. Ir‑Regolamenti dwar il‑Ħarsien tal‑Flora, Fawna u l‑Ambjenti Naturali jimponu multa minima ta’ kważi €500 u titla’ għal kważi €2,400 għal kull annimal affettwat.
Fid‑dawl ta’ dan l‑aħħar dehra, il‑pubbliku ġenerali u l‑baħħara huma mħeġġa jaġixxu b’mod responsabbli f’każ ta’ lemħiet oħra. L‑Awtorità tħeġġeġ ukoll rapport immedjat ta’ kwalunkwe osservazzjoni dwar il‑bumerin l‑ERA fuq it‑telefon (2292 3500) jew permezz tas‑Servizz tal‑Assistenza Klijenti (customer care).