Tħabbret il-mewt ta' Dun Anġ Seychell, fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth u qassis li ddedika ħajtu għas-servizz tal-oħrajn permezz ta' Caritas, id-Dar tal-Kleru, u l-Fondazzjoni Nazareth, li taħdem ma' persuni b'diżabilità. Dun Anġ miet fl-età ta' 91 sena.
Dun Anġ Seychell sar qassis fl-età ta’ 23 sena. Minn dejjem ħass impenn speċjali lejn persuni b’diżabilità, u qal li dawn kienu kollox għalih. Huwa kien imur iżurhom, jara x'għandhom bżonn u jieħu ħsiebhom, speċjalment wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom.
Dun Anġ kien ko-fundatur ta’ Caritas flimkien ma’ Dun Victor Grech u kien strumentali fit-twaqqif tad-Dar tal-Kleru f’Birkirkara. Il-vokazzjoni tiegħu kienet mibnija fuq fiduċja sħiħa f’Alla.
L-aħbar tal-mewt tiegħu ngħatat is-Sibt filgħaxija fuq il-paġna ta' Facebook tal-Fondazzjoni Nazareth, li sellmet il-memorja tiegħu b'kitba emozzjonanti. "Grazzi Sinjur Alla għall-ġid li għamel magħna," il-fondazzjoni kitbet.
Il-Ministru Owen Bonnici wkoll sellem il-memorja ta' Dun Anġ, u ddeskrivieh bħala "eroj ta’ żminijietna" u "qaddis tal-ħajja tal-lum."