Jiftħu n-nomini għall-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena 2024
Jitħabbru d-dettalji tal-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena 2024.
More in Socjali
Jitħabbru d-dettalji tal-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena 2024.
Tħabbru d-dettalji tal-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena 2024. Dan bil-għan li jingħata rikonoxximent xieraq lil persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur u joħolqu soċjetà aħjar bil-kontribuzzjoni tagħhom.
Il-ftuħ tan-nomini tħabbru mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Mauro Pace Parascandolo.
Il-premju prinċipali huwa l-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena, li jingħata lil individwu li kkontribwixxa b’mod pożittiv fil-volontarjat jew li kien ta’ ispirazzjoni għal oħrajn bix-xogħol volontarju tiegħu. Hemm ukoll diversi premjijiet oħra, li jinkludu l-Premju Nazzjonali għal Organizzazzjoni Volontarja, il-Premju għal Kumpanija privata li ddistingwiet ruħha fis-sapport li tagħti, u l-Premju Voluntier Żagħżugħ/a li huwa għal dawk ta’ bejn 16 u 30 sena. Ser jingħata wkoll, għat-tielet sena konsekuttiva, il-Victor Calvagna Children Volunteer Award, li jingħata lil voluntier ta’ bejn 10 u 15-il sena.
Apparti dan ser jiġi ppreżentat ukoll premju speċjali għas-servizz volontarju, u għall-ewwel darba ser ikun hemm ukoll il-Premju għall-Proġett tas-Sena. Dawn ser jingħataw direttament mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat għal servizz u inizjattivi eċċellenti fis-settur tal-volontarjat.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli fissret ir-relevanza u l-importanza ta’ dawn il-premjijiet biex nagħtu rikonoxximent filwaqt li nippromwovu prattiċi tajba. “Hekk kif qed niċċelebraw l-14-il edizzjoni tal-Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena, b’sodisfazzjon nirrikonoxxu l-kontribuzzjonijiet straordinarji ta’ individwi li jagħtu l-ħin, l-enerġija u l-ħiliet tagħhom biex itejjbu u jħallu differenza fil-komunitajiet tagħna. Dawn il-premjijiet huma xhieda tal-qawwa tal-volontarjat u l-irwol tiegħu fit-tisħiħ tat-tessut soċjali tagħna. Kull voluntier huwa xempju ta' tama, u d-dedikazzjoni tagħhom hija tassew ta’ ispirazzjoni u ta’ min ifaħħar. Determinati li bħala Gvern, nibqgħu nappoġġjawhom bl-aħjar mod possibbli,” temmet tgħid il-Ministru.
Min-naħa tagħha, Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, qalet li din hija inizjattiva li tajjeb li tibqa’ tittella’ minn sena għal sena. “Permezz ta’ din l-inizjattiva nagħtu ġieħ lil persuni u għaqdiet li mhux dejjem ikollhom viżibilità biżżejjed għax-xogħol li jkunu qed jagħmlu. Min jiġi nominat żgur li ma jkunx għamel dan ix-xogħol għal xi premju, imma tajjeb li jingħata rikonoxximent u li bħala soċjetà tiċċelebra x-xogħol li jsir fil-volontarjat.”
Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-MCVS, appella lill-għaqdiet u lill-voluntiera biex jagħżlu lil min jagħmel il-ġid u jinnominawhom. “Intom tkunu tafu tajjeb min huma dawk li jaħdmu qatigħ, u din in-nomina sservi bħala grazzi kbira li ċert li jibqgħu jiftakruha bl-aktar mod pożittiv.”
Il-formoli biex tinnomina persuna jew għaqda skont il-lista tal-premjijiet, jagħlqu l-Ġimgħa, 18 t’Ottubru 2024 f’nofsinhar. Dawn jinkisbu mill-portal vofunding.org.mt. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet issir fil-5 ta’ Diċembru 2024, b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat imfakkar min-Nazzjonijiet Uniti.
Dawk interessati jistgħu jiksbu aktar informazzjoni mis-sit tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, maltacvs.org u minn vofunding.org.mt.