Filwaqt li ftit iktar minn nofs l-Ewropej (53%) huma konxji tal-Europride, avveniment pan-Ewropew iddedikat għall-kommunità LGBTQI+, Malta tispikka b’rata għolja ta’ 91% li huma familjari mal-avveniment.
B’mod partikolari, filwaqt li 32% biss tar-rispondenti fl-UE jifhmu x’inhu l-Europride, f’Malta 81% mhux biss jirrikonoxxu l-avveniment iżda wkoll jifhmu s-sinifikat tiegħu. Din iż-żieda ta’ disa’ punti fil-livell ta’ għarfien f’Malta minn meta sar l-aħħar stħarriġ fl-2021 tista’ tkun marbuta mal-fatt li l-pajjiż ospita l-avveniment fl-2023.
Fl-UE, iktar minn terz tar-rispondenti (32%) jafu x’inhu l-Europride u jifhmu x’jinvolvi, filwaqt li 21% semgħu bih imma mhumiex ċerti x’ifisser. Għall-kuntrarju, f’Malta, 81% huma kompletament konxji tal-Europride u 10% biss mhumiex ċerti dwar is-sinifikat tiegħu.
Ir-riżultati speċifiċi għal kull pajjiż juru differenzi notevoli. Ir-rispondenti f’Malta (91%) huma l-aktar konxji tal-Europride, segwiti minn dawk fl-Iżvezja u s-Slovenja (tnejn li huma 78%) u l-Latvja (77%). Bħala kuntrast, il-Ġermanja (40%) għandha l-inqas għarfien, segwita minn Franza (44%) u l-Bulgarija (46%).
Rigward fehim aktar fil-fond tal-Europride, Malta terġa’ tmexxi b’81% tal-popolazzjoni li jafu kemm bl-avveniment kif ukoll bit-tifsira tiegħu, segwita mill-Iżvezja (64%) u l-Latvja u s-Slovenja (55%). Min-naħa l-oħra, 20% biss fir-Rumanija, 21% fil-Polonja, u 23% fil-Ġermanja huma kompletament konxji tal-Europride.
Fl-UE, l-għarfien tal-Europride żdied b’medja ta’ tliet punti perċentwali sa mill-2021.
L-istħarriġ staqsa wkoll lill-parteċipanti dwar il-livell ta’ għarfien tagħhom ta’ ġranet oħra dedikati għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE.
Fost dawn kien hemm l-Access City Award, li jirrikonoxxi l-ibliet li jtejbu l-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità u l-anzjani; u Equal Pay Day, inizjattiva simbolika biex tiġi enfasizzata l-kwistjoni persistenti tad-differenza fil-pagi tan-nisa u l-irġiel fl-Ewropa.
Fost il-Maltin, 55% kienu jafu bl-Access City Award, u 33% kienu jafu bil-Equal Pay Day.