Birra u briju f’baħar aħdar: San Patrizju reġa’ magħna

Min hu San Patrizju? Minn fejn bdew iċ-ċelebrazzjonijiet globali f’ismu? Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn il-festa ta’ San Patrizju li tiġi ċċelebrata kull 17 ta’ Marzu

Kull 17 ta’ Marzu, eluf ta’ nies jaqbdu triqithom għal San Ġiljan u f’baħar ta’ kpiepel u ħwejjeġ ħodor, birra, qbiż u briju, jiġi ċċelebrat San Patrizju. Imma kif San Patrizju spiċċa ċċelebrat b’dan il-mod? Kif waslet din it-tradizzjoni fi xtutna? 

Min kien dan San Patrizju? 

Patrizju twieled fis-sena 387 AD eżatt fin-Nofsinhar tal-Ħajt ta’ Adrian fil-Gran Brittanja, li kien parti mill-Imperu Ruman. Meta għalaq 16-il sena huwa kien maqbud minn pagani Irlandiżi u ttieħed l-Irlanda, fejn kien skjav għal sitt snin.  

Matul dak iż-żmien, hu kiber biex jogħġob l-Irlandiżi sidien tiegħu, iżda maż-żmien sab ’l Alla u kabbar il-fidi tiegħu. Meta ħarab u rritorna għand familtu, ħalef li xi darba jirritorna l-Irlanda. 

Studja fil-monasteri u eventwalment ġie ordnat saċerdot u mbagħad isqof, iżda mhux qabel ma wettaq dak li wiegħed lilu nnifsu snin qabel. Fil-fatt huwa rritorna lura l-Irlanda bħala qassis sabiex jikkonverti lill-pagani għall-Kristjaneżmu. 

Patrizju inizjalment iltaqa’ ma’ ħafna tbatijiet fost il-pagani, partikolarment id-druwidi. Huma ma kinux lesti li jċedu l-poter tagħhom fuq ir-reliġjon arkajka u beżgħu minn Patrizju u l-Kristjaneżmu. 

Għalkemm il-ħakkiem ta’ dak iż-żmien, ir-Re Laoghaire, ma kkonvertiex għall-Kristjaneżmu, ħafna mill-membri tal-familja tiegħu għamlu dan ftit ftit, u r-reliġjon l-antika bdiet tgħib. Patrizju vvjaġġa minn belt għal oħra, waqqaf il-Knisja Kattolika, u sas-sena 444 AD, is-sede primarja u l-ewwel katidral tal-Irlanda nbnew f’Armagh. 

Huwa għammed, ikkonferma u ordna qassisin, u waqqaf skejjel u monasteri. Eluf daħlu fil-Knisja taħt id-direzzjoni tiegħu. Huwa wettaq dawn l-attivitajiet kollha f’inqas minn 30 sena, li matulhom in-nazzjon, il-gżira kollha tal-Irlanda ġiet ikkonvertita. 

Minkejja dan, mar-ritorn tiegħu lura Wales, il-knisja skomunikatu u akkużatu b’reati finanzjarji, u ntbagħat lura l-Irlanda. Illum il-ġurnata, San Patrizju huwa l-qaddis protettur tal-Irlanda u huwa simbolu tal-Kristjaneżmu fl-Irlanda. 

L-Irlanda eventwalment bdiet tiċċelebra l-jum tiegħu b’servizzi reliġjużi u festi b’mod tradizzjonali.  

Kienu l-immigranti Irlandiżi partikolarment fl-Istati Uniti, li biddlu Jum San Patrizju fil-festa li nafuha llum. Bliet b’numru kbir ta’ immigranti Irlandiżi, li spiss kellhom il-poter politiku, organizzaw l-akbar ċelebrazzjonijiet b’parati elaborati. Boston organizza l-ewwel parata ta’ Jum San Patrizju fl-1737, segwita minn New York City fl-1762.  

Għalkemm il-blu kien il-kulur tradizzjonalment assoċjat ma’ San Patrizju, l-aħdar issa huwa iktar marbut ma’ din il-ġurnata. Min jipparteċipa ġeneralment jilbes l-aħdar, jew inkella jilbsu oġġetti ħodor jew xi shamrock, il-pjanta nazzjonali Irlandiża.  

Ma’ din il-festa, minbarra l-famuża birra, hemm assoċjat ukoll il-corned beef u l-kaboċċi.

Kif waslet Malta l-festa ta’ San Patrizju?  

Bejn Malta u l-Irlanda m’hemm l-ebda rabta diretta, ħlief ir-Renju Unit. Iż-żewġ pajjiżi għamlu żmien maħkuma mir-Renju Unit u għad għandhom influwenza Ingliża sal-lum.  

L-ewwel ċelebrazzjoni ta’ Jum San Patrizju mniżżla fl-istorja ta’ Malta kienet fis-seklu 20, speċifikament fil-Furjana. Ir-reġiment ta’ suldati Irlandiżi tal-Armata Brittanika kienu jiċċelebraw din il-festa fil-Furjana, fir-raħal fejn huma kienu stazzjonati. Għal ċertu żmien, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ din il-festa kienu jsiru hemm għalkemm issa saret iżjed iċċelebrata f’San Ġiljan. Folol kbar ta’ nies jinġemgħu hemm minn filgħodu sabiex jibdew jiddevertu.  

Minkejja dan, xorta jkun hemm ċelebrazzjonijiet fil-gżira kollha, bl-Irish-Malta Circle torganizza parata fil-Belt Valletta, kif ukoll quddiesa fil-knisja ta’ Santa Barbara.

Imma l-briju ma jinżilx għasel ma’ kulħadd ... 

Bħalma għedna, il-maġġoranza tan-nies jinġabru fi Spinola, fil-qalba ta’ San Ġiljan. Matul is-snin kien hemm numru kbir ta’ residenti Ġiljaniżi li qalu li mhumiex kuntenti b’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. 

Għal kontra tal-ħwienet fl-akkwati li jgawdu minn bejgħ aktar mis-soltu, speċjalment il-bars Irlandiżi u Ingliżi, ir-residenti kemm-il darba jgergru, speċifikament ħabba l-ħmieġ u l-istorbju eċċessiv. 

Fid-dawl ta’ dan, l-għada taċ-ċelebrazzjonijiet issa saret drawwa li l-Gvern jgħin lill-Kunsill bit-tindif. Is-sena l-oħra, pereżempju, Clean Malta rnexxielha tiġbor 15-il tunnellata ta’ skart f’erba’ sigħat.  

L-iskart u l-istorbju mhumiex l-unika wġigħ ta’ ras għar-residenti ta’ San Ġiljan. Fost il-komunità reliġjuża ta’ San Ġiljan, hemm dawk li huma diżappuntati bl-importanza li qed tingħata lil Jum San Patrizju, minflok lill-qaddis tar-raħal. 

Fl-2020, minħabba l-pandemija, il-kunsill lokali ta’ San Ġiljan kien ikkanċella ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum San Patrizju billi ma tax permessi għall-avveniment fir-raħal. Il-kunsill lokali tal-Furjana għamel l-istess sabiex jimminimalizza r-riskju ta’ trasmissjoni. Dik kienet l-ewwel darba, wara ħafna snin, li ċ-ċelebrazzjonijiet ma sarux. 

Fl-2023, iżjed minn 50,00 ruħ żaru San Ġiljan u Paceville għal din il-festa, l-akbar numru ta’ nies reġistrat għal din il-festa.

More in Socjali