L-Imqabbin imħassbin dwar permess f’ODZ li reġa’ tfaċċa

L-Awtorità tal-Ippjanar qed taċċetta sottomissjonijiet għal dan il-permess sas-27 ta’ Marzu

Is-sit imniżżel fil-proposta (Ritratt: Awtorità tal-Ippjanar)
Is-sit imniżżel fil-proposta (Ritratt: Awtorità tal-Ippjanar)

Permess ġdid qed jipproponi bini ta’ crusher taż-żibel f’barriera li tinsab fi Triq il-Belt Valletta, l-Imqabba. Din l-istess barriera kienet qed topera bla permess, bil-crusher għaddej b’mod illegali. Residenti Mqabbin tkellmu mal-gazzetta ILLUM dwar l-inkwiet tagħhom dwar dan il-proġett, speċjalment hekk kif dan is-sit qiegħed tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod mill-iskola primarja tal-Imqabba u minn żona residenzjali.  

Skont ir-rapport tal-Uffiċjal responsabbli mill-każ, il-crusher kien diġà qiegħed jopera b’mod illegali u dan wassal għal ħafna trab fl-arja fil-viċinanzi. L-istess rapport jgħid li s-sit kien qed jintuża bħala barriera mingħajr permess legali.  

L-istess dokument jgħid li jekk isir dan il-proġett, il-problema tat-traffiku f’dik iż-żona ħa tiggrava. L-uffiċjal jagħmel referenza għall-fatt li l-proposta ma ssemmi l-ebda prekawzjoni sabiex jiġu mnaqqsa l-effetti negattivi tat-trab u tal-ħsejjes. “Huwa inaċċettabbli li tiġi posposta l-konsiderazzjoni tal-problema tat-trab u l-istorbju,” ikompli r-rapport. 

“It-trabijiet ma jispiċċaw qatt,” esprima ruħu wieħed mir-residenti. Meta tkellmu mal-ġurnal, l-Imqabbin għamluha ċara li l-ikbar inkwiet tagħhom huwa t-trab u l-ħmieġ li joħloq il-crusher, flimkien mal-effett negattiv li qed iħallu. 

Huma tkellmu fuq kif din taffettwa ħafna aspetti ta’ ħajjithom minħabba l-viċinanza tas-sit mid-djar tar-residenti. It-trab tal-ġebel jista’ jikkawża problemi respiratorji bħal ażma jew mard ieħor.  

“Bħala pazjent bl-ażma, jiena spiċċajt nieħu l-mediċina iżjed ta’ spiss minn mindu bdejt ngħix l-Imqabba. Dan ma jistax jibqa’ jiggrava,” kiteb resident lil-Awtorità tal-Ippjanar flimkien ma’ ritratti tat-trab fi djarhom. 

“Jekk ir-riħ ikun kontra, lanqas tkun tista’ tiftaħ tieqa biss,” jispjega resident. Dan jista’ jkollu impatt ikbar fuq is-saħħa mentali tar-residenti, minbarra l-impatt fuq is-saħħa fiżika, hekk kif dan qiegħed b’mod indirett jirrestrinġi lir-residenti sabiex jibqgħu aktar magħluqin f’darhom.  

Barra minn hekk, il-ħsejjes li jagħmel dan il-crusher jista’ jkollu effetti negattivi fuq is-saħħa mentali tan-nies tal-viċin. Ir-residenti qalu li dawn kollha ħa jwasslu wkoll għal tnaqqis fil-valur tal-propjetà ta’ dawk fil-viċin.  

Statistika riċenti mill-Wellbeing INDEX Project u l-NSO tenfasizza kemm l-istorbju u t-tniġġis qed jaffettwaw is-saħħa mentali tar-residenti. Wieħed jista’ jimmaġina kif dan ħa jaffettwa, kemm lir-residenti fil-viċinanzi, kif ukoll lill-istudenti minħabba li l-istorbju ħa jtellifhom milli jitgħallmu fil-paċi. 

L-Awtorità tal-Ippjanar qed taċċetta sottomissjonijiet għal dan il-permess sas-27 ta’ Marzu.  

More in Socjali