L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qed jinvestigaw inċident li seħħ fi propjetà residenzjali fi Triq l-Isperanza, il-Mosta.
F’dan l-inċident, waqa’ saqaf ta’ propjetà li jinsab viċin ta’ sit ta’ kostruzzjoni. Fortunatament, ħadd ma weġġa’.
B’rabta ma’ dan l-inċident, iż-żewġ awtoritajiet ħarġu ordni sabiex ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jieqfu minnufih. Din l-ordni tibqa’ fis-seħħ sakemm isir assessjar dettaljat tal-miżuri ta’ sigurtà u konformità mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti.
Il-BCA u l-OHSA jfakkru u jinkoraġġixxu lill-pubbliku li, f’każijiet u inċidenti simili, għandhom iċemplu fuq il-linja 138. Din il-linja tista’ tintuża wkoll għal kwalunkwe informazzjoni dwar siti ta’ kostruzzjoni u dwar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.