Wara l-bibien magħluqa: L-eżorċiżmu f’Malta

Waqt waħda mis-sessjoni tat-talb ma’ din il-mara, 'qabdet titkellem ħażin u tobżoqli d-demm', iżda qal ukoll li xi ħaġa impressjonanti kienet li malli tlesta t-talb, id-demm sparixxa minn fuqu

Jaelle Borg, ġurnalista mal-gazzetta, waqt l-intervista ma' Fr John
Jaelle Borg, ġurnalista mal-gazzetta, waqt l-intervista ma' Fr John

L-eżorċiżmu huwa suġġett li jqanqal kurżità u xi drabi biża’ f’dawk li jisimgħu bih. Minkejja li l-Maltin huma nies ta’ fidi, ftit huma dawk li tassew jafu x’inhu l-eżorċiżmu u kif isir. Hemm temi li bħal donnu jibqgħu jiġu mitkellma b’leħen baxx – jekk mhux evitati għalkollox, u l-eżorċiżmu huwa wieħed minn dawn. F’pajjiżna dan il-kunċett jaf jidher bħala wieħed ta’ barra minn hawn, imħawwad mal-ġrajjiet tal-films. Imma x’inhu l-eżorċiżmu fil-verità? U x’inhu l-irwol ta’ eżorċista f’Malta llum? 

Din mhix xi ħaġa li nisimgħu ħafna dwarha – imma għaliex? Għax m’hemmx każijiet, jew għax huwa xi ħaġa li aħna, bħala soċjetà, inħossu aktar komdi li nżommu moħbija? Fr John Vella, eżorċista magħruf f’Malta, tkellem mal-gazzetta ILLUM u rrakkonta l-esperjenza tiegħu. 

Fr John twieled il-Marsa fl-1958. Bħalissa huwa assenjat mal-Fraternità tal-Patrijiet Minuri Kapuċċini fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Lourdes, San Ġwann. Huwa studja b’suċċess għal-liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali Klinika fl-Istituto Internazionale di Teologia Pastorale Sanitaria, Camillianium, affiljat mal-Università Teresianum f’Ruma. Il-Kummissjoni Djoċesana dwar l-Okkult u s-Sataniżmu għażlitu bħala Eżorċista Awżiljarju approvat mill-Arċisqof Joseph Mercieca, fl-2003. Huwa ġie maħtur bħala Eżorċista fl-1 ta’ Lulju 2005. 

Il-vjaġġ spiritwali ta’ Fr John 

Fr John huwa wieħed minn sitt eżorċisti f’Malta, u l-vjaġġ tiegħu fuq din il-missjoni beda b’mod li jfakkarna li l-fidi mhijiex sempliċi kif tidher. Huwa jirrakkonta kif kien iltaqa’ ma’ persuna li bdew jiġru warajh is-satanisti. Hu spjega kif dan ir-raġel kien jipprattika sport fejn dan li kien jittħarrġu kien satanist u b’hekk beda jipprova jiġbdu miegħu. Minn dan il-każ, Fr John beda l-kuntatti tiegħu mal-Kummissjoni Djoċesana dwar l-Okkult u s-Sataniżmu. 

Huwa kompla jispjega kif is-satanisti jiltaqgħu b’mod speċjali fil-Ġimgħa l-Kbira billi jiċċelebraw il-quddiesa s-sewda (il-black mass) u jagħmlu festa kbira għaliex huma jimxu fuq il-filosofija ta’ Nietzsche li tgħid li Alla miet, u minħabba dan huma ma jaċċettawx il-jum tal-Irxoxt. Għalihom din il-ġurnata hija daqqa ta’ ħarta. Fr John semma wkoll l-iktar żewġ spirti ħziena komuni, li huma Jezebel, li hija l-ispirtu tal-aggressivià u Asmodeus li huwa l-ispirtu tas-sesswalità.  

Maż-żmien skopra wkoll kif jitlob fuq persuni li jkunu missew man-New Age. Din hija firxa ta’ prattiċi u għarfien spiritwali jew reliġjuż li tkabbret b’rata rapida fis-soċjetà tal-Punent matul l-ewwel snin tas-sittinijiet. Il-kostruzzjoni tagħha hija eklettika ħafna u mhux sistematika, li tagħmilha diffiċli li tingħata definizzjoni eżatta. Għalkemm ħafna akkademiċi jikkunsidrawha bħala moviment reliġjuż, l-aderenti tagħha tipikament jarawha bħala spiritwali jew bħala unifikazzjoni tal-Mind-Body-Spirit.  

Din il-prattika, l-eżorċist qalilna li tista’ tiftaħ iċ-chakras li huma s-seba’ punti prinċipali fil-ġisem li jistgħu jiġu attakkati minn kull spirtu ħażin, sakemm dawn ma jingħalqux bit-talb. Dawn il-punti huma: il-moħħ, it-tielet għajn (bejn l-għajnejn), il-gerżuma, il-qalb, l-istonku, iż-żaqq u ċ-ċirkonferenza tar-riproduzzjoni. Fr John jgħid li biex dawn jingħalqu hu jgħid lil persuna li jkun qed jagħmel it-talb fuqha biex tpoġġi idha fuq dawn il-punti, u hu jpoġġi jdejh fuq id il-persuna, u jitolbu flimkien. Spjegalna kif dan huwa l-process ta’ ħelsien minn spirti li jkunu daħlu f’dawn is-seba’ punti fil-ġisem.

Każijiet u esperjenzi profondi 

Iżda x’jiġri meta Fr John jiltaqa’ ma’ każ li jħalli marka fuqu? Hemm każijiet li jistgħu jkunu diffiċli biex jintemmu, jew li jħallu effett profond fuq il-ħajja spiritwali u emozzjonali tiegħu?  Hu qal li ma tantx iħobb iħalli dawn il-każijiet jaffettwawh b’mod emozzjonali għax jemmen li persuna ma tistax teħel f’punt fil-passat imma trid tibqa’ dejjem għaddej. Iżda semma xi każijiet li baqa’ jiftakar, fosthom, każ ta’ mara fejn din ma setgħetx tinħeles minħabba li ma bdietx tikkopera miegħu, u wisq anqas il-familja tagħha. Irrakkonta kif kellhom ikellmu lill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien u dan ġab eżorċist Ingliż. Semma wkoll kif waqt waħda mis-sessjoni tat-talb ma’ din il-mara, “qabdet titkellem ħażin u tobżoqli d-demm”, iżda qal ukoll li xi ħaġa impressjonanti kienet li malli tlesta t-talb, id-demm sparixxa minn fuqu.  

Każ ieħor li semma kien dwar mara oħra. Din kienet inkwetata fuq it-tifla tagħha minħabba l-fatt li xi drabi kienet tintefa’ tgħajjat mal-art, bla raġuni ta’ xejn. Wara li persuna resqithom għand Fr John, hu spjega kif l-ewwel ħaġa li jagħmel hu meta jara jekk hemmx xi tip ta’ possessjoni minn xitan. Hu jsaqsi jekk qattx kien hemm xi diżgwit ma’ xi familjari, biex b’hekk jara hemmx xi seħta. Minn dal-każ kien irriżulta li din kienet eżattament il-problema. Hawnekk huwa qalilna wkoll li jekk is-saħta ma tiġix imwaqqfa permezz ta’ talb, din tista’ tintiret għal madwar seba’ ġenerazzjonijiet. 

Meta niddiskutu dan is-suġġett, wieħed bla dubju jaħseb fil-films li juru dan, u għalhekk ma stajtx ma nistaqsix jekk qattx kellu xi każ simili bħalma juru fuq it-televiżjoni. Hu jgħid li dawn f’Malta mhumiex komuni ħafna iżda jirrakkonta kif darba kien ma’ Fr Hugh Cremona, kienu qed jitolbu fuq raġel li kien ippossedut, u malli bdew it-talb, dan ir-raġel beda jissielet biex iqum u ried li jwaddab barmil lil Fr Hugh.  

Il-Medalja ta' San Benedittu li tintuża waqt l-eżorċiżmu
Il-Medalja ta' San Benedittu li tintuża waqt l-eżorċiżmu

Il-ħidma ta’ Fr John bħala eżorċista f’Malta: Is-sagrifiċċju u r-realtà 

Qabel ma jibda l-proċedura tal-eżorċiżmu, jgħid li l-ewwel ikun irid jisma’ l-persuna titkellem fuq x’qed tħoss biex ikun jista’ jifhem għala l-persuna qed tħossha b’dan il-mod u jifhem aħjar l-istorja tagħha. Apparti dan, Fr John jieħu ħin biex jipprepara ruħu, kemm spiritwalment, kif ukoll fiżikament, billi dejjem jagħmel ċert li jitlob.  

F’Malta, fejn il-fidi hija ħajja u t-tradizzjonijiet huma qawwija, il-kunċett tas-sataniżmu jista’ jidher bħala wieħed imbiegħed. Imma kemm hu komuni dan il-fenomenu? Hemm żoni jew żmien partikolari fejn jingħad li jsiru dawn ir-ritwali? Fr John jaqsam il-fehma tiegħu dwar dan billi qal li dal-kunċett huwa komuni iktar milli wieħed jaħseb. Kompla billi żied li r-ritwali jsiru kull meta jkun hemm qamar kwinta, fil-Ġimgħa l-Kbira, f’għeluq snin ċerti saċerdoti, kif ukoll b’mod speċjali fil-jum tal-ordinazzjoni.  

Dan ix-xogħol, li jista’ jkun wieħed diffiċli u ta’ responsabbiltà kbira, jħallih iħossu għajjien għaliex ikollu jagħti ħafna minn ħinu. Spjega kif qabel kien ġieli jagħmel sa nofsillejl jara n-nies, iżda llum il-ġurnata anke ħabba saħħtu – li milli qal kellu jgħaddi wkoll minn bypass – naqqas il-ħin u sar idum jara n-nies sat-tmienja ta’ filgħaxija. Meta mistoqsi fuq kemm il-persuna bejn wieħed u ieħor għandu, hu sostna li bħalissa hemm erbgħin persuna fuq il-lista jistennew biex idaħħalhom għal appuntament, apparti dawk li jara ta’ kuljum u dawk li ġieli jkollu jara b’urġenza.

Il-parir ta’ Fr John 

Fl-aħħar nett, Fr John jagħti parir finali lill-pubbliku. Hu jwissi li rridu nżommu bilanċ u noqogħdu attenti kif nitkellmu u kif inġibu ruħna. Żied jgħid ukoll li dejjem irridu noqogħdu attenti ma’ min nagħmluha, kif ukoll qal li rridu nkunu konxji tal-infern imma ma nkunux skjavi tax-xitan. Hu spiċċa billi qal dawn il-kliem “Alla jtik id-dinjità filwaqt li x-xitan joħodhielek.” 

L-eżorċiżmu mhux biss huwa proċess ta’ ħruġ mill-ħażen, iżda wkoll wieħed ta’ fidi, tama, u reżiljenza. Fr John, permezz tal-esperjenza tiegħu, jagħtina ħarsa lejn din il-ġlieda li, għalkemm misterjuża, hija waħda li tgħaqqad lil kulħadd – kemm jekk niftakru fiha, kemm jekk le.  

Kemm huwa preżenti dan il-qasam f’pajjiżna? X’inhuma l-veritajiet madwaru? Dan huwa suġġett li għadu jqanqal ħafna diskussjoni u jista’ qatt ma jkollu tweġiba waħda.

More in Socjali