Bdiewa Żrieraq jitolbu biex jitwaqqaf żvilupp fuq art agrikola

Il-bdiewa jsostnu li ma jistax ikun li art tal-gvern—li għadha tintuża għal skopijiet agrikoli essenzjali—tingħata lill-privat għad-detriment tal-bdiewa li jaħdmuha, tal-komunitajiet, u tal-ġenerazzjonijiet futuri

L-art agrikola li qiegħda fiċ-ċentru tal-kontroversja (Ritratt: Moviment Graffitti)
L-art agrikola li qiegħda fiċ-ċentru tal-kontroversja (Ritratt: Moviment Graffitti)

Grupp ta’ bdiewa miż-Żurrieq, flimkien mal-Moviment Graffitti, diversi għaqdiet ambjentali oħrajn, kif ukoll residenti tal-istess raħal, qed jitolbu b’urġenza lill-Awtorità tal-Artijiet biex tirtira l-kunsens tagħha għall-iżvilupp ta’ art agrikola f’Tal-Bebbux.

Din l-art, li hija proprjetà tal-gvern u ilha tinħadem għal ġenerazzjonijiet sħaħ, qiegħda f’riskju li tinqered biex takkomoda iktar żvilupp. L-applikazzjoni PC/00068/22, li sottomettiha żviluppatur privat, qed titlob biex iż-żona agrikola tinbidel f'waħda żviluppabbli sabiex jinbena iktar bini.

"L-art inkwistjoni ilha tinħadem mill-bdiewa għal ġenerazzjonijiet sħaħ u tibqa’ sors importanti ta’ produzzjoni lokali tal-ikel," qalu l-Moviment Graffitti.

Madankollu, il-bdiewa qed jinsistu li mhuwiex aċċettabbli li art li għadha tintuża għall-produzzjoni tal-ikel tinqered għall-profitt privat, speċjalment meta Malta hija kważi għalkollox dipendenti fuq l-importazzjoni tal-ikel. Huma sostnew li, fil-kuntest tat-tibdil tal-klima u n-nuqqas ta' sigurtà fejn jidħol l-ikel, id-deċiżjoni li titneħħa art agrikola hija irresponsabbli u ta’ ħsara profonda lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Dan il-proġett diġà rċieva eluf ta’ oġġezzjonijiet u b'hekk, qed jargumentaw il-partijiet li qed joġġezzjonaw, dan il-proġett m'għandux jiġi kkunsidrat.

"Din hija kwistjoni ta’ tħassib nazzjonali. L-Awtorità tal-Artijiet qed tiġi mħeġġa tagħraf l-oppożizzjoni pubblika qawwija kontra din l-applikazzjoni, il-ħsara irriversibbli li dan l-iżvilupp se jikkawża, u l-implikazzjonijiet usa’ li art tal-gvern titħalla tiġi abbużata b’dan il-mod," stqarrew il-Moviment Graffitti.

Barra minn hekk, l-għaqdiet qed jallegaw li l-gvern jipprijoritizza r-regħba tal-kostruzzjoni fuq il-ġustizzja soċjali u s-sostenibbiltà ambjentali, u li din il-kwistjoni hija xhieda oħra t'hekk.

"L-art għandha tiġi protetta għall-benefiċċju lis-soċjetà u l-valur agrikolu tagħha, u mhux issagrifikata għal aktar żvilupp mhux meħtieġ u mhux sostenibbli," qalet l-għaqda ċivili.

Huwa f'dan il-kuntest li qed tintbagħat ittra lill-Awtorità tal-Artijiet li titlob l-istess awtorità biex taġixxi b’mod responsabbli u tiddefendi l-interess pubbliku. Fl-ittra l-firmatarji qed jitolbu li dan il-proġett jiġi mwarrab u li l-art tibqa’ tintuża għall-għanijiet agrikoli tagħha, li huma essenzjali għas-sigurtà tal-ikel u l-benessri tal-komunità.

L-ittra ġiet iffirmata minn Robert Bondin Carter u Annalisa Schembri, bl-appoġġ ta’ għadd ta’ organizzazzjonijiet, fosthom Għaqda Bdiewa Attivi, Għaqda Residenti taż-Żurrieq, Malta Youth in Agriculture (MaYA), Azzjoni: Tuna Artna Lura, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Il-Kollettiv, Moviment Graffitti, Nature Trust – FEE Malta, Ramblers’ Association of Malta, u The Archaeological Society Malta.

More in Socjali