Il-parroċċa ta’ Ħal Balzan wriet id-diżappunt tagħha wara li nhar it-Tnejn filgħaxija, bejn is-6:00pm u s-6:15pm, saru ħsarat konsiderevoli fil-balavostri tal-ġebel li jdawru z-zuntier tal-knisja. Ritratti mxerrda fuq il-midja soċjali juru biċċiet miksura f’diversi sezzjonijiet tal-istess struttura.
Fi stqarrija maħruġa fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook, il-parroċċa spjegat li individwu mhux magħruf, daħal fiż-żona waqt dak il-ħin u, għal xi raġuni li għada mhux ċara, ikkawża din il-ħsara.
L-istess parroċċa qed tappella lil min kien involut biex jagħmel kuntatt dirett u jintlaħaq ftehim biex il-ħsara tiġi rranġata b’mod paċifiku u diskret. Fl-istess waqt, qed titlob l-għajnuna tan-nies tal-lokal sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ dawk li jistgħu jkunu responsabbli.
Il-gazzetta Illum tkellimna wkoll mal-kunsilliera, Annalise Galea li kkonfermat li sal-lum ma ħarġitx informazzjoni ġdida dwar l-inċident. Hija qalet li l-kunsill għadu qed isegwi s-sitwazzjoni.
Il-parroċċa temmet l-appell tagħha b’tama li l-komunità turi solidarjetà u tgħin biex jinstab min hu responsabbli, sabiex is-sitwazzjoni tissolva b’mod ċivil u rispettabbli.