Il-Ħolma tiegħi li nkanta f’Malta

Tenur Malti b’suċċess mondjali mal-grupp ‘The Tenors’

Victor Micallef twieled Toronto fil-5 ta’ Ġunju minn ġenituri Maltin, Joseph mill-Imsida u Margaret nee Mifsud minn Ħaż-Żebbuġ li emigraw lejn il-Kanada fis-sittinijiet. Miżżewweġ lil Kathleen Fenech u missier Zachariah Joseph ta’ 7 snin.  Beda jistudja l-mużika klassika ta’ eta ċkejkna u llum jifforma parti minn grupp fenominali ta’ suċċess kbir fix-xena Kanadiża u Amerikana ‘THE TENORS’.

Victor, martu Kathleen fenech u binhom Zachariah Joseph ta' 7 snin
Victor, martu Kathleen fenech u binhom Zachariah Joseph ta' 7 snin

Victor li hu iben Joseph li kien il-fundatur tal-istazzjon Malti tar-radju u TV fil-Kanada fejn anke ngħata l-unur ta’ Kavallier tal-Ordni ta’ San Ġwann, beda jistudja l-mużika klassika minn kmieni ħafna, “Kollox beda meta kelli 4 snin, il-ġenituri tiegħi kienu jarawni ndoqq il-mużika tal-films fuq il-pjanu bl-udit u meta oħti l-kbira ma riditx tkompli tistudja l-pjanu, jien kont il-kandidat ovvju li nibda nieħu l-lezzjonijiet tal-pjanu fil-familja.

“U sal-ġurnata tal-lum nirringrazzja lill-oħti talli ma komplietx turi interess fil-pjanu. Komplejt nistudja l-pjanu u kont anke nħobb inkanta, fejn dak iż-żmien kont inkanta kollox, minn pop sa kanzunetti klassiċi u mużika sagra. Minn dejjem kont naf anke wara li ddeċidejt li nistudja l-opra li kont napprezza kull ġeneru ta’ mużika.”

Tlabtu jgħidli min kienet il-persuna li emmen f’leħnu, “Kont nattendi l-knisja Maltija ta’ San Pawl Appostlu f’Toronto u darba missieri kien talab lill-arċipriet biex inkanta. Kont se mmut bil-biża’ għax jien kont tifel mistħi u qas kont noħlom li nkanta quddiem in-nies. Iżda missieri kien bniedem strett u ma stajtx ngħidlu le u għalhekk, il-Ħadd ta’ wara sibt lili nnifsi quddiem knisja ppakkjata. U din kienet il-bidu tat-triq tiegħi, mertu kbir għal missieri. Il-passjoni li nkanta daħlet fija wara li miet missieri. Kelli biss 16-il sena u hu kien l-akbar ħabib tiegħi. U biex ħriġt minn dan iż-żmien diffiċli iddeċidejt li nibda nkanta.”

Attenda l-Università ta’ Toronto fejn kiseb il-Grad ta’ Baċellerat fil-vuċi. Fl-1998 mar Firenze fejn beda jistudja mat-tenur Franco Pagliazzi. Kemm dam fl-Ewropa, beda jkanta f’opri u kunċerti mal-kumpanija Teatro del Maggio Musicale Fiorentino. Victor ingħaqad mal-grupp ‘The Tenors’ fl-2006.

Għal Victor li jiġi Malta jkanta hi ħolma għax issa ilu 14-il sena minn meta ġie Malta l-aħħar. “Nixtieq niġi Malta biex inkanta x-xogħol ġdid tagħna ‘Under One Sky’ f’kunċert ‘open air’ u nirrekordjawh live f’ambjent sabiħ għal poplu Malti. It-tieni biex nerġa nara lil familjari tiegħi u t-tielet biex nagħti esperjenza lil ibni dwar dak li għandha toffri Malta.”

Fl-aħħar Victor xtaq jibgħat messaġġ lill-Maltin fejn kitibli bil-Malti, “Nispera li ma ndumx ma narakom”.

Wieħed jista wkoll jidħol fil-website tax-show ġdida ta’ The Tenors, ‘UNDER ONE SKY’ fuq http://www.tenorsmusic.com

L-Intervista sħiħa fil-ħarġa tal-ILLUM

More in Intervisti