'Waħda mil-linji l-ħomor għalija kienet l-abort'
F’intervista mal-ILLUM, il-kandidat indipendenti Arnold Cassola jgħid li huwa jibqa’ ma jingħaqadx mal-ADPD għax ma jaqbilx magħhom fuq l-abort, iżda jemmen li huwa issa, iktar minn qatt qabel, iċ-ċans li titla' t-tielet vuċi
Għamel snin twal barra minn Malta. Serva fil-Kamra tad-Deputati fl-Italja, u saħansitra kien l-unika Segretarju Ġenerali barra mill-Unjoni Ewropea li serva f’kariga ma’ grupp politiku Ewropew fi Brussell. Iżda elezzjoni wara oħra, jibqa’ jitfaċċa fuq il-karta tal-vot, u b’ġimagħtejn ’il bogħod mill-elezzjonijiet ma stajniex ma nitkellmux ma’ Arnold Cassola, li din is-sena mhux biss reġa’ tfaċċa iżda jemmen li “issa ċ-ċans”.
Issemmi ħafna liż-żgħażagħ, u bħal donnok twissi lill-istat biex jagħmel aħjar għax qed nitilfu “l-aqwa mħuħ”. Qed naqraha sew is-sitwazzjoni?
Ir-realtà hi li 70% taż-żgħażagħ iridu jitilqu, għal dejjem, u dik hi l-gravità, għax mhux titlaq u tiġi lura, iridu jitilqu għax mhux jarawha sabiħa, mhux jarawha aktar b’ambjent pjaċevoli, bla spazju, b’abbużi u bla meritokrazija.
Ma nemminx meta jgħidu li ż-żgħażagħ għandhom l-apatija. Mhux veru. Iż-żgħażagħ diżappuntati mill-ħidma tal-politiċi. Ir-riżultat ta’ “isma’ ma rridx nisma’ aktar” huwa għax il-politiċi ma ġabux ruħhom kif suppost u nqasniehom.
Xi rridu nagħmlu biex nieħdu ħsiebhom? Tieħu ħsieb l-ambjent, twaqqaf dan il-konkos kontinwu, bini kontinwu li jġib biss noise polution, għeluq tal-ispazji miftuħa, fly-overs, indħil f’għelieqi ... u bi pjanijiet li mhux jirnexxu, għax dik is-sabiħa!
Irridu ninvestu fir-riċerka, fl-innovazzjoni ... Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ huma speċjalizzati ... u m’hawnx xogħol speċjalizzat għalihom.
Inti ukoll kont tlaqt minn Malta, u forsi li ftit jafu, iżda servejt fil-Kamra tad-Deputati fl-Italja ...
Iva, għax jiena Taljan ukoll ...
X’kien li ġabek lura?
Ħeqq, jiena dari hawn. Kariga elettiva tispiċċa. Għamilt seba’ snin Brussell ukoll, qabel ma dħalna fl-Unjoni Ewropea, u spiċċajt sena wara li dħalna. Kont l-uniku politiku Malti fi Brussell naħdem fil-Parlament Ewropew, elett bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit tal-Ħodor. Għadni sal-lum l-uniku Segretarju Ġenerali mhux Ewropew li ġie elett fi grupp Ewropew.
Meta tispiċċa ... ħeqq dari tibqa’ Malta. L-għeruq tiegħi huma Maltin, ħalliha li nħobb insiefer, u nara l-mentalitajiet differenti, u nikkonfronta ruħi għax nitgħallem. Għamilt xogħol barra, studjajt barra, u kollha jtuk esperjenzi, imma Malta hija dari.
35 sena esperjenza fil-politika. Kellek mumenti pjuttost diffiċli, pereżempju l-elezzjoni tal-2004. Minkejja li kont ġibt 23,000 vot, ma kontx ħadt siġġu. X’kien li żammek għaddej wara mumenti bħal dawn?
Jien naħseb li dak hu l-karattru tiegħi. Il-karattru tiegħi minnu hekk. Ħalli nkun dipressat għal 24 siegħa, imma mbagħad niġġieled aktar. U jien inħobb niġġieled lill-bullies. Iktar kemm nara bullying, nies arroganti, jew xi ħadd jgħidli “int Cassola m’għandek xejn” ... jekk ikollu nofs idea li ngħid “uff forsi wasal iż-żmien li nieqaf” hemm mal-ewwel niġġilidlek.
Dan bħalma ġara issa, eżattament ħames snin ilu. Ħames snin ilu, kont fil-counting hall, kont ġibt 2,900 vot. Tajjeb għal kandidat indipendenti, imma xejn speċjali. Għidt issa forsi wasal iż-żmien li nieqaf, u spiċċajna battibekk jiena u Kurt Farrugia, li dak iż-żmien kien assistent ta’ Joseph Muscat. Spiċċajna b’battibekk sewwa eh, bil-pulizija magħna. U qalli “fuck off” u dik il-“fuck off” tatni l-enerġija biex illum qiegħed hawn niġġieled għas-sitt siġġu.
Issa huwa ċ-ċans, u mnalla ħa ngħidlek, kważi nirringrazzjah lil Kurt Farrugia ta’ dik il-“fuck off” għax tani s-saħħa nkompli.
Jien hekk, meta nara nies fit-triq, abbużati, injorati, nies li jgħaddu minn fuqhom, residenti fl-istorbju, fit-tbatija, bla protezzjoni saħansitra mill-awtoritajiet, dik għalija jekk ma niqfilhomx, ikun it-tmiem tiegħi.
Allura min hu l-ikbar bully għalik bħalissa?
L-awtoritajiet. Dawk bil-poter. Fil-ħajja trid tiġġieled, imma mbagħad minn għandu l-poter, ma jistax japprofitta ruħu minnek.
Eżempju ma jistax ikun għax għandi l-aħjar avukati, l-avukat ġenerali, eċċ., inżomm l-informazzjoni minnek. Illum stess, wara sentejn u nofs, għadni kif irċivejt issa mingħand il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Kont ktibt lill-Infrastructure Malta, dwar Freedom of Information, fuq il-Marsa Junction. Dan meta bdejna naraw li hemm it-taħwid mat-Torok u s-CEO ta’ dak iż-żmien Fredrick Azzopardi. Kienu dejjem jgħiduli li ma jridux, u jien nerġa’ nappella, u mmur għand il-Kummissarju, u nirbaħ il-kawżi, u xorta ma jagħtux kas ... Dawn huma n-nies l-arroganti, in-nies tal-poter, dan huwa biss eżempju wieħed!
Dan filwaqt li inti lħaqt ħriġt ktieb, hux hekk?
Ilħaqt ħriġt il-ktieb, bl-evidenza biss li kelli jien, sadanittant hemm inkjesta maġisterjali għaddejja parallela ma’ dawn. Ma nafx x’fiha, għadha għaddejja. U meta ħareġ il-ktieb, kienu bagħtu għalija, u kelli affarijiet li huma ma kellhomx. Kienu sorpriżi li kien hemm affarijiet li jien kelli u huma le.
Kelli chats, whatsapps, emails ... ta’ Keith Schembri, Yorgen Fenech u t-Torok. Il-ktieb kważi kitbuh huma, kważi kważi r-royalties għandhom jeħduhom huma.
Meta tara l-voti li bdejt iġġib fl-aħħar mal-partit tal-Ħodor, ma tikkunsidrax terġa’ tmur mal-AD?
Hija idea li tista’ ssir, imma tinsiex li hemm il-prinċipji. Waħda mil-linji l-ħomor għalija kienet l-abort. Nemmen li dan hu suġġett filosofiku, jew temmen li fetu huwa ħajja, jew le. Jekk inti ma temminx li dan hu l-ħajja, nifhimha, li għalik l-abort hu okay, imma għalija l-fetu huwa ħaj u rrid li nindukrawh. Dak kien il-punt prinċipali, li sseparani mill-Alternattiva.
Imma nemmen li wasal iż-żmien li jkun hemm it-tielet vuċi, għalkemm ma nassoċja ruħi xejn mal-voti ta’ Norman Lowell, li għalija huwa rappreżentazzjoni ta’ ħsibijiet skandalużi. Naħseb li jkun il-mument li dawn il-ħafna tielet vuċijiet li issa hawn, jistgħu jibdew jitkellmu flimkien, biex nifhmu lil xulxin b’forza ta’ ċertu għeruq.
Imma jekk titla’ u tingħaqad mal-Grupp politiku Ewropew tal-Ħodor, ħa tkun komdu magħhom? Il-Partit tal-Ħodor hu favur l-għażla ...
Għamilt 30 sena mal-Partit tal-Ħodor, bħala Alternattiva Demokratika, qatt ma rratifikat l-abort. F’kull dokument tal-Ħodor, fejn kien hemm l-abort, ġeneralment il-firma tiegħi, u d-dokument kien jaqra, “Alternattiva Demokratika does not ratify article 2.3.2.”
Meta ġejt elett, irringrazzjajthom li ġejt elett imma għamiltha ċara li ma nistax nippreżentahom fuq l-artiklu 2.3.2. Jien mhux magħmul noqgħod kwiet, u nagħmel l-affarijiet minn wara. Irridu s-siġġu, imma jekk ma tridnix elett, ma nitlax.
Bernard Grech qal li vot lill-indipendenti hu vot għall-Partit Laburista. Xi twieġeb dwar dan?
Din kien jużaha l-PN fl-2004, imma n-nies qed jinbidlu, u għalhekk issa ċ-ċans. Hemm nies li jgħidu li vot lill-indipendenti hu vot moħli, imma hemm min qed jgħid “le, issa ta! Bellajthieli fl-2003, bellajthieli fl-2004, u min bellahhieli kien Fenech Adami, li kien ta’ ċertu intellett, issa se tiġini inti, treġġa’ l-ħin lura bi 22 sena u tiġi tbeżżagħni b’Arnold Cassola?”
Mela Gonzi u Fenech Adami kienu jgħidu vot għalija hu vot għal-Labour u issa qed nerġgħu ngħiduha? Dik Malta li ma kinitx fl-Unjoni Ewropea. Il-problema taf x’inhi? Ilna 20 sena fl-Unjoni Ewropea, imma l-Unjoni Ewropea għadha ma daħlitx f’Malta kif suppost.
Jiena naħseb, u se nkun onest ta, inkun kuntent li Bernard qed ibeżża’ biha, għax dak sinjal ċar ta’ paniku, għax jaf li n-nies inbidlu, u n-nies indipendenti u partiti żgħar issa għandhom iċ-ċans.
In-narrattivi tal-partiti, wara l-inkjesta Vitals, x’jidhirlek minnhom?
Huma narrattivi li se jwassluna lura għax-xifer ta’ ġlied fit-toroq bħalma seħħ fit-tmeninijiet. Qisu apposta qed joħolqu din il-konfrontazzjoni.
Il-Vitals dejjem kienet ċara, ma kellhiex għalfejn tkun il-Qorti. Il-ġustizzja issa qed tagħti l-kors tagħha, imma konna nafuhom. Ma kellix għalfejn nistenna l-inkjesta biex inkun naf li kien hemm il-frodi.
Li qed jiġri issa, qisu apposta kważi, qed tinħoloq atmosfera konfrontazzjonali biex ikun hemm skuża biex, ma nafx, twaqqaf demokrazija?
Il-ħasra hi li minħabba ħaġa bħal Vitals, il-vera sfidi ta’ politika bħall-kwalità tal-ħajja, jew ta’ paga bażika, ma nitkellmux dwarhom. Jitkellmu fuqhom biss il-partiti ż-żgħar jew l-indipendenti.
Qed titkellem fuq l-indipendenti, u li issa ċ-ċans, iżda ma tibżax li l-voti li qed jiżdiedu ħa jmorru għand Norman Lowell, minħabba problema waħda, dik tal-barranin f’Malta?
Le, hemm parti li se jmorru għand Lowell imma għalhekk jiena ngħid li Lowell hu viljakk, bla kukki.
Għax Lowell m’għandux il-guts jiġi għad-dibattiti, ma jistax jibqa’ jilgħabha tal-vittma u jgħid li mhux jiġi mistieden, għax kull dibattitu li stednuh ma ġiex.
M’għandux il-guts jgħid lin-nies f’wiċċhom, “Sinjur inti jekk ikollok tarbija b’diżabilità severa, f’inqas minn 14-il siegħa, noqtolhielek bil-mod u ġentili.” Din hi politika ta’ Lowell. M’għandux il-guts jiġi l-Università. Kellna xi ħames dibattiti. Għal kollha kien mistieden. Ma ġiex jgħidilhom, “Sinjorina, inti li se ssir tabiba, avukata, ġurnalista, intom insewha l-karriera, intom postkom id-dar tagħmlu t-trabi.” Dik politika ta’ Lowell. M’għandux il-guts jgħidlek, “jien qed nara persuna mal-art fit-triq tmut bid-droga, ħalliha tmut.” Dik hi l-politika ta’ Lowell. Ejja, Lowell, għidilhom f’wiċċhom lill-ġenituri ta’ dak il-wild ibati mill-vizzju tad-droga.
Mela ngħidhomlu jien, ħalli min irid jivvutalu, għax hekk hi d-demokrazija, imma kun af għal xiex qed tivvota. Meta qed tivvota għal Lowell, qed tivvota għall-qtil tat-tarbija bid-diżabilità, għan-nisa biex jibqgħu d-dar jagħmlu t-trabi, u li jħallik għall-mewt jekk jarak barra.