Émile Eudes (1843-1888)

L-istorja tar-revoluzzjonarju Franċiż, Émile Eudes

Émile Eudes
Émile Eudes

Émile Eudes twieled fit-12 ta’ Settembru 1843 f’Roncy, fil-gżejjer Channel. Huwa beda l-istudju tiegħu f’Saint-Lô, u wara kompla jistudja l-mediċina f’Pariġi.

Eudes kien Repubblikan konvint, u kien kontra l-Imperu ta’ Napuljun III; huwa kien antiklerikali qawwi, u assoċja mal-ħassieba ħielsa, moviment umanistiku assoċjat ma’ Victor Hugo (1802-1885).  Fl-1886 huwa sar l-editur maniġerjali tal-ġurnal La Pensée Libre (Ħsieb Ħieles). Eudes mexxa wkoll, għal żmien qasir,  ħanut tal-kotba progressivi u sar mażun. Flimkien ma’ ħassieba ħielsa oħrajn, huwa ssieħeb mas-sezzjoni Franċiża tal-Ewwel Internazzjonal. Madankollu, Eudes kien imxaqleb lejn ideoloġija aktar radikali mill-umaniżmu ta’ Hugo jew it-twemmin Mutwalist tas-segwaċi ta’ Pierre-Joseph Proudhon (1809-1865).

Eudes issieħeb mas-segwaċi revoluzzjonarji tal-veteran revoluzzjonarju Blanqui; ħbiebu inkludew radikali bħal Ernest Granger (1844-1914), Gustave Tridon (1841-1871), Anne Jaclard (1843-1887) u żewġha Victor Jaclard (1840-1903).

F’Awwissu 1870 Eudes kien wieħed mill-mexxejja tal-qawmien, bla suċċess, f’La Vallette, distrett f’Pariġi. Eudes, li kemm-il darba kien arrestat, kien arrestat u ssentenzjat għall-mewt. Madankollu, fl-4 ta’ Settembru 1870 Franza ġiet ipproklamata Repubblika, u Eudes ħareġ mill-ħabs.

Eudes inħatar kmandant tal-Battaljun 138 tal-Gwardja Nazzjonali sabiex jorganizza d-difiża ta’ Pariġi kontra l-Ġermaniżi. Huwa ngħaqad mal-Kumitat Ċentrali tal-Għoxrin Distrett, li organizza l-attivitajiet tad-diversi gruppi ta’ soċjalisti, anarkisti u repubblikani.

Huwa kien kontra n-negozjati ta’ paċi li kienu qed isiru mill-Gvern Repubblikan.  Fil-31 ta’ Ottubru 1870 huwa ħa sehem f’irvell kontra l-gvern li madankollu ma rnexxiex. Fit-18 ta’ Marzu 1871 huwa mexxa lill-Gwardji Nazzjonali fl-okkupazzjoni tal-uffiċċju sindikali. Fl-24 ta’ Marzu, il-Kumitat Ċentrali tal-Gwardji Nazzjonali ħatar lil Eudes bħala Kummissarju tal-Gwerra; jumejn wara kien elett għall-Kunsill Ġenerali tal-Komun ta’ Pariġi. Huwa mexxa offensiva kontra l-gvern ta’ Versailles fit-3 ta’ April 1871, iżda din falliet. F’Mejju, Eudes ivvota mal-maġġoranza biex jitwaqqaf Kumitat ta’ Sigurtà Pubblika, fuq il-mudell ta’ dak tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Eudes ħa sehem attivament fil-ġlied matul il-‘Ġimgħa Mdemmija’ bejn it-22 u t-28 ta’ Mejju li mmarkat l-aħħar reżistenza tal-Komun. Huwa rnexxielu jaħrab mit-trażżin brutali; huwa ħarab lejn l-Iżvizzera u wara mar Londra; huwa kien issentenzjat in absentia għall-mewt.

Eudes għex fil-faqar. Amnestija ġenerali fl-1880 wasslitu biex irritorna Pariġi. Huwa kkontribwixxa għall-ġurnal Blanquist Ni Dieu ni Maitre (La Alla lanqas Sid), u flimkien ma’ Edouard Vaillant  (1840-1915) waqqaf il-ġurnal L’Homme Libre (Bniedem Ħieles).

Huwa sar membru tal-Kumitat Ċentrali Rivoluzzjonarju Blanquist, stabbilit fl-1881.  Fil-5 ta’ Awwissu 1888 Eudes kien qed jagħmel diskors f’Salle Favie meta sofra emorraġija ċerebrali u miet.

Referenzi:

  1. J.L.Menard: Emile Eudes, 1843-1888: Général de la Commune et Blanquiste, Dittmar, Paris, 2005.
  2. “Marx to Emile Eudes”, March 9, 1872, Marx and Engels, Collected Works, Volume 44, New York, 2005.

More in Intervisti