‘F’dan il-programm jidhru xi prodotti kummerċjali’
Dejquk ir-riklami waqt id-dramm favorit tiegħek? Xbajt tara lill-atturi jagħmlu riklam ta' prodott waqt is-serje favorita tiegħek? L-ILLUM titkellem mal-produtturi ta' 'Strada Stretta' u 'Manwela'
Ħafna Maltin iqisu ruħhom bħala dilettanti tal-produzzjonijiet lokali, u huma ħafna li mhux biss isegwu l-waħda tal-qalb tagħhom, iżda jirnexxilhom ilaħħqu ma’ kull ‘dramm’, (għax ftit għadhom jirreferu għal produzzjoni lokali bħala ‘serje’) li jixxandar fuq l-istazzjoniiet lokali kollha.
Minkejja l-appoġġ u r-rispett li t-telespettaturi għandhom għall-produzzjonijiet lokali, ta’ spiss ikun hemm min igerger fuq l-ammont ta’ waqfiet kummerċjali li jsiru waqt kull episodju, u dan l-aħħar kien hemm uħud li maqdru wkoll it-tqegħid tal-prodott li ħafna serje Maltin qed jinkludu fl-episodji tagħhom.
Li forsi dawn it-telespettaturi fidili lejn is-serje favorita tagħhom ma jifhmux, huwa li biex jiġi prodott kull episodju, id-djar ta’ produzzjoni lokali, iridu jkopru numru kbir ta’ ħlasijiet ta’ impjegati, atturi, servizzi u lokazzjonijiet biex insemmu ftit. Fiċ-ċokon ta’ Malta u bil-limitazzjonijiet finanzjarji tal-istazzjonijiet, sabiex il-produzzjoni żżomm ċertu livell ta’ kwalità fil-prodott, irid jintlaħaq kompromess delikat bejn kemm u kif jiddaħħlu prodotti kummerċjali fl-episodji tagħhom, bħala għajnuna biex ikopru l-ispejjeż.
L-ILLUM tkellmet ma’ żewġ produtturi ta’ wħud mill-aktar serje popolari u maħbubin f’Malta, Justin Farrugia minn Sharp Shoot Media, produtturi ta’ ‘Strada Stretta’ u Michael Vella Haber, minn Rewind Productions, li fost numru ta’ serje li produċew f’dawn l-aħħar snin, insibu ‘Manwela’ u ‘Ħbieb u Għedewwa’.
Il-bilanċ fit-tqegħid tal-prodotti jiddetermina l-kwalità tal-episodji
“It-tqegħid tal-prodott u l-mod kif isir, dejjem joħloq xi daqsxejn ta’ dilemma,” sostna mal-ILLUM Justin Farrugia, li spjega li apparti l-valur artistiku ta’ produzzjoni televiżiva, hemm l-aspett kummerċjali u l-għixien ta’ kull min ikun involut fil-ħolqien tal-istess serje.
Farrugia spjega li kultant, it-tqegħid tal-prodotti jista’ b’xi mod jaffettwa anke l-andament tal-istorja. “Ċerti klijenti jifhmu li l-messaġġ mgħoddi b’mod sottili jaħdem, imma oħrajn ikunu jixtiequ li jkun aktar ovvju,” tenna Farrugia, “iżda parti mix-xogħol kreattiv tal-produtturi huwa li nkunu flessibbli u naslu għal kompromess.”
Michael Vella Haber żied jgħid li “bħal kull ħaġa oħra fid-dinja, l-eżaġerazzjoni ma’ tħallix riżultati tajbin fuq il-kwalità tal-prodott finali, iżda jekk il-ħaġa ssir bi ħsieb u rażan, il-kwalità m’għandix titlef.” Vella Haber żied jgħid li huwa jemmen li aktar mill-ammont u durata, l-aktar li jaffettwa l-kwalità hija s-sottilità li biha l-prodott jitqiegħed fix-xena. “Meta xi ħadd iwaddab xi ħaġa f'wiċċek mingħajr konsiderazzjoni ta’ xejn, dan jista’ jdejjaq u xi drabi kważi anke jinsulenta lit-telespettaturi.”
L-ILLUM staqsiet liż-żewġ produtturi kemm huma lesti jissaggrifikaw mill-kwalità tal-produzzjoni tagħhom, biex ikunu jistgħu jinkludu prodotti kummerċjali imnisslin u parteċipi fix-xeni. Farrugia sostna li bejn id-dar ta’ produzzjoni tagħhom u l-istazzjon, tittieħed deċiżjoni ta’ liema prodotti jistgħu jiġu nklużi fl-istorja tagħhom, mingħajr ma dan iħalli impatt negattiv fuq l-istorja jew il-viżwal tas-serje.
“Ġieli jkollna nimmodifikaw daqsxejn l-iscript biex ninkludu xi prodott, iżda nagħmlu mill-aħjar biex nilħqu kompromess biex l-interess kummerċjali ma jaffetwax it-trama (plot) tagħna.” Farrugia żied jgħid li fin-natura tas-serje tagħhom ‘Strada Stretta’, li l-maġġorparti tagħha tiżvolġi ruħha fil-passat, anke l-għażla ta’ liema prodotti jintużaw, issir bir-reqqa. Minkejja dan, Farrugia żied jgħid li t-tqegħid tal-prodotti huwa neċessarju biex il-produzzjoni tagħmel qligħ neċessarju biex tkopri l-ispejjeż involuti u l-preparamenti neċessarji. Min-naħa tiegħu, Vella Haber qal li bħala dar tal-produzzjoni, Rewind Productions ma tantx ifittxu tqegħid tal-prodotti u jaċċettaw biss prodotti li jkunu idonei mal-istorja u jikkumplimentaw il-viżiv. Vella Haber żied jgħid li r-reklamar, imbagħad huwa xi ħaġa oħra. “Nemmen li r-riklami fil-waqfiet kummerċjali u bl-ammont permess mill-awtorità, minkejja li jistgħu jdejqu lil xi wħud, huma inevitabbli bħala s-sors prinċipali ta’ dħul biex jiġu koperti l-ispejjez tal-produttur u tal-istazzjon. Jew hekk, jew inkella t-telespettatur ikollu jħallas għall-prodott li jara.”
Baġit limitat, ħafna produzzjonijiet, u kollha prezzati l-istess
Ħaġa li ħadd ma jista’ jiċħad hija li ebda stazzjoni Malti ma jista’ jkun ikkumparat mal-HBO jew il-FOX fejn jidħlu s-serje televiżivi, speċjalment fir-rigward tal-baġits enormi li dawn l-istazzjonijiet għandhom biex joffru numru kbir ta’ serje varjati, kollha ta’ kwalità għolja. Hawn Malta, id-djar ta’ produzzjoni qed jaffaċċjaw problemi finanzjari biex sempliċiment ikopru l-ispejjeż, u mhux biex jagħmlu xi profitti esuberanti. Skont Vella Haber, dan jirriżulta mill-fatt li t-telespettaturi Maltin qed jiġu provduti b'ammont konsiderevoli ta’ produzzjonijiet lokali li s-suq, meta mqabbel mal-ammont limitat ta’ telespetaturi, ma jlaħħaqx biex dawn kollha jiġu finanzjati b’mod ġust, bir-riżultat li jinħoloq ambjent finanzjarju difficli għal kulħadd. Min-naħa tiegħu, Farrugia qabel ma’ dan u żied jgħid li sfortunatament m’hawnx distinzjoni fil-kwalità u t-tip ta’ produzzjonijiet differenti, hekk kif l-istazzjonijiet jipprezzaw kull produzzjoni bl-istess mod. “Ikun aħjar kieku l-proċess ta’ selezzjoni għall-produzzjonijiet aċċettati fl-iskeda jkun aktar iebes u jevalwa u japprezza aktar il-kwalità. B’hekk, l-istess baġit limitat tal-istazzjonijiet jinqasam b’mod aktar ġust bejn inqas produzzjonijiet, li filwaqt li jkunu ta’ kwalità aktar professjonali, jaqilgħu lura pagament ġust għall-isforzi u x-xogħol kollu involut biex jinħoloq kull episodju.”
Il-ġbid tas-serje jibda fis-sajf, ix-xandir f’Ottubru u d-djar ta’ produzzjoni jaraw l-ewwel ħlas għal Dicembru...
Punt li t-telespettaturi tajjeb li jkunu jafu, sabiex japprezzaw aktar ix-xogħol iebes li jwettqu dawk kollha nvoluti fil-ħolqien tas-serje televiżiva favorita tagħhom, huwa li aktar mill-baġits ristretti nnifishom, id-djar ta’ produzzjoni jdumu ma jitħallsu ta’ xogħolhom. Wieħed irid jikkunsidra li biex l-istaġun jibda f’Ottubru, dawk kollha nvoluti fil-produzzjoni jkunu diġà qattgħu sajf ta’ ħidma fil-ħolqien u l-ġbid tal-episodji. S’hawn, diġà qed inħarsu lejn tal-inqas erba’ xhur mingħajr ħlas, li magħhom iridu jiżdiedu xi tnejn oħra sakemm l-istazzjonijiet joħorġu l-ewwel pagamenti.
Mistoqsjin dwar dan, iż-żewġ produtturi kkonfermaw li l-pagamenti vera jsiru iktar tard minn Ottubru, iżda t-tnejn li huma wkoll iddefendew il-pożizzjoni tal-istazzjonijiet, li min-naħa tagħhom, min ikun għamel ftehim ta’ reklamar magħhom, iħallas biss wara li r-reklami jidhru, u f’Malta m’hawnx sistema ta’ ftehim ta’ depożitu minn qabel bħala investiment fil-prodott. Dan kollu joħloq katina ta’ ġiri wara l-flus, li fl-aħħar nett tagħha, hemm dawk li fil-fatt ħadmu l-aktar... u li sfortunatament ikun l-aħħar li jgawdu mill-frott ta’ xogħolhom.
Farrugia wera x-xewqa li biex tiżdied il-kwalità tal-prodott Malti biex tlaħħaq ma’ dak barrani, jeħtieġ li jkun hawn sistema fejn jiġu avviċinati numru ta’ kumpaniji li jkunu lesti jinvestu bil-quddiem fil-prodott Malti, sabiex bħalma jagħmlu l-istazzjonijiet televiżivi barranin, ikunu jistgħu jiffinanzjaw serje televiżivi ta’ kwalità minn qabel, sabiex dawk li joħolquhom jitħallsu kif u kemm suppost waqt li qed iwettqu xogħolhom, bħalma jsir fi kwalunkwe impjieg ieħor.
Vella Haber temm jgħid mal-ILLUM li bħalissa huma ftit dawk li qed jaħdmu f’dan is-settur u li qed jitħallsu sew meta tikkunsidra l-ammont ta’ sigħat li l-produtturi, diretturi, l-kittieba l-atturi u l-crew kollu jaħdmu. “Ħafna drabi, peress li dan ix-xogħol isir bil-qalb u b’passjoni kbira, dawk involuti jħossuhom kburin bil-prodott u xortihom tajba jekk tal-inqas ikopru l-ispejjeż. U meta jaslu għal dan, hemm iħossuhom li għamlu suċċess.”