Ċurkett ta' 17-il karat għal Avril Lavigne fl-ewwel anniversarju taż-żwieġ
Ċurkett ta' 14-il karat għall-għerusija u ieħor ta' karat għaż-żwieġ ma kinux biżżejjed
F'għeluq l-ewwel anniversarju taż-żwieġ Chad Kroeger, il-kantant tal-band Nickelback, ta lil martu Avril Lavigne ċurkett bi djamant ta' 17-il karat. Il-kantanta Kanadiża malajr qasmet din l-esperjenza mal-ammiraturi tagħha fuq Twitter billi ħadet ritratt ma' żewġha fejn fih qed turi dan iċ-ċurkett. Żiedet tgħid: "Għadni ma nistax nemmen dan ir-rigal għall-ewwel anniversarju taż-żwieġ. Djamant ta' 17-il karat. Wow. Inħobbu lil żewġi."
Dan mhux l-ewwel ċurkett b'aktar minn 10 karati li qalgħet il-kantanta. Iċ-ċurkett tal-għerusija kien ta' 14-il karat filwaqt li dak taż-żwieġ għandu żmerald ta' 20 karat.
Il-koppja tidher kuntenta, mhux biss bil-kollezzjoni ta' ġojjelli prezzjużi li qed jibni Kroeger għal martu, imma wkoll għax daqt se jerġgħu jieħdu l-voti taż-żwieġ. Min jaf x'se jagħtiha din id-darba?