
Christina Aguilera tippoża għarwiena fl-aħħar ġimgħat tat-tqala
Tiċċelebra t-tieni tqala b'ritratti senswali

Christina Aguilera ppożat bla ħwejjeġ għal V Magazine fl-aħħar ftit ġimgħat tat-tqala f'ritratti bla kulur u oħrajn bil-kulur fejn hi liebsa libsa bajda kemxejn trasparenti. Aguilera għandha twelled lil bintha f'dan ix-xahar stess u l-ġimgħa li għaddiet iċċelebrat dan billi għamlet il-baby shower.
F'intervista fl-istess magażin, il-kantanta Amerikana spjegat, "Bħala mara, jien kburija li naċċetta lil ġismi matul il-fażijiet kollha tal-ħajja, nibqa' bla biża' u ċerta minni nnifsi meta nċedi għal dak li l-futur għandu lest għalija." Fir-ritratti inkludiet lil missier it-tarbija, l-għarus Matt Rutler, li ltaqgħet miegħu erba' snin ilu u li hu ħames snin iżgħar minnha.
Aguilera għandha wkoll tifel ta' sitt snin u nofs, Max, mill-eks-raġel tagħha Jordan Bratman.