Jitħabbar il-programm tad-Dukessa f’Malta
Tħabbar uffiċjalment il-programm taż-żjara li se tagħmel f’Malta d-Dukessa Kate Middleton f’Settembru li ġej.
Id-Dukessa ta’ Cambridge mistennija tasal f’pajjiżna s-Sibt 20 ta’ Settembru waranofsinhar fuq titjira tal-Air Malta.
L-impenji uffiċjali tad-Dukessa ta’ Cambridge jibdew immedjatament wara l-wasla tagħha, permezz ta’ laqgħa mal-President tar-Repubblika l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca. Il-laqgħa ssir fil-Palazz ta’ San Anton.
Minn San Anton, l-impenji tad-Dukessa jkomplu fil-Belt Valletta bl-ewwel impenn ikun laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat u mas-sinjura Muscat fil-Berġa ta’ Kastilja. Wara din il-laqgħa d-Dukessa se tasal fi Pjazza San Ġorġ fejn se ssegwi spettaklu ta’ natura storika mtella’ mill-In Guardia.
Minn Pjazza San Ġorġ se timxi għall-Biblijoteka Nazzjonali fejn se jkun hemm esebiti numru ta’ dokumenti minn epoki differenti li jixhdu r-rabtiet storiċi twal li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll il-George Cross.
Filgħaxija d-Dukessa ta’ Cambridge tkun il-mistiedna tal-Prim Ministru u tas-sinjura Muscat waqt riċeviment fil-Barrakka ta’ Fuq fl-okkażjoni tal-50 anniversarju ta’ Jum l-Indipendenza.
Il-Ħadd 21 ta’ Settembru l-ewwel impenn ta’ Middleton tkun il-quddiesa pontifikali fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann, fejn wara se jkollha wkoll l-opportunità li żżur il-pitturi ta’ Caravaggio.
Waranofsinhar hi mistennija li tagħmel żjara fiċ-ċentru AĊĊESS fil-Birgu fejn tiltaqa’ ma’ numru ta’ żgħażagħ. Iktar tard tasal fil-Pjazza tal-Birgu fejn issegwi spettaklu ta’ folklor. Wara żjara fil-Knisja ta’ San Lawrenz, id-Dukessa ta’ Cambridge se tagħmel vjaġġ madwar il-Port il-Kbir fuq dgħajsa. L-aħħar impenn għad-Dukessa se jkun riċeviment fir-residenza tal-Kummissarju Għoli Ingliż għal Malta. Hi se tħalli Malta l-Ħadd waranofsinhar, fuq titjira tal-Air Malta.
Din se tkun l-ewwel darba li d-Dukessa ta’ Cambridge se żżur pajjiż mingħajr ir-raġel tagħha l-Prinċep William u binha l-Prinċep George.