Shia LaBeouf ibiddel ħajtu
Jistqarr li jammira lil Brad Pitt bħala attur u raġel spiritwali
L-attur Shia LaBeouf, magħruf l-aktar għal The Transformers, spjega l-imġiba mqarba tiegħu matul dawn l-aħħar snin li anki daħħlitu f’xebgħa nkwiet.
“Kont għaddej minn kriżi eżistenzjali. Dejjem ħrabt matul ħajti kollha. Naħrab minni nnifsi, lejn il-films, ix-xorb, drogi jew ikun xi jkun, dejjem kont naħrab.”
Iżda mid-dehra r-rwol li kellu fi Fury, ta’ suldat li jiggranfa mal-fidi tiegħu biex jibqa’ ħaj matul it-Tieni Gwerra Dinjija, għenu jbiddel ħajtu.
“Sibt ’l Alla waqt li kont qed nagħmel Fury. Sirt raġel Kristjan, u mhux b’mod superfiċjali, imma ta’ vera. Stajt għidt biss it-talb li kelli fuq il-paġna. Imma kienet xi ħaġa ta’ vera li salvatni. Kont imdawwar b’nies twajba li għenuni.”
Żewġ persuni li influwenzawh ħafna waqt il-filming ta’ Fury kienu Brad Pitt u David Ayers, id-direttur u kittieb tal-film. Minkejja li għandhom veduti opposti dwar ir-reliġjon, dawn xorta jwasslu għall-istess punt. (Pitt ġej minn passat reliġjuż ħafna, li mbagħad warrab u mexa lejn spiritwalità bla isem. Waqt li Ayers hu Kristjan li jemmen ħafna.)
L-attur, li hu magħruf għar-relazzjoni ġellieda li jkollu ma’ sħabu l-atturi l-oħra, faħħar ħafna lil Pitt.
“In-nies ma jafux dan dwar Brad: hu attur li jaħseb ħafna. Mhuwiex xi wieħed li jitfaċċa, kemm jagħmel xogħlu u jitlaq. Jagħti ħafna allura int tirċievi ħafna. Hu iebes ħafna miegħu nnifsu.”