
Imut Oscar de la Renta
Id-dinja tal-moda tibki lid-disinjatur li libbes ħafna nisa magħrufin

Id-disinjatur tal-moda, li libbes bosta nisa importanti fl-istorja fosthom Jackie Kennedy u Michelle Obama, miet ilbieraħ fl-età ta’ 82 sena. Oscar de la Renta, imwieled fir-Repubblika Dominikana, kien bena isem għall-ħwejjeġ eleganti, inkluż ilbiesi tal-għarusa.
L-aħħar għarusa li libbes kienet Amal Alamuddin, li żżewġet lil George Clooney f’Settembru li għadda, l-istess xahar li fih id-disinjatur nieda l-kollezzjoni tar-rebbiegħa tal-2015 fin-New York Fashion Week.
Fl-2006 ħariġlu kanċer imma f’intervista li ta s-sena li għaddiet lil International Business Times, de la Renta qal li kien fieq kompletament u ma kienx interessat fl-irtirar.
Kien qal: “L-uniċi realtajiet tal-ħajja huma meta titwieled u meta tmut. Dejjem naħsbu li se ngħixu għal dejjem. L-aspett tal-mewt qatt ma naċċettawh. Twissija bħal din tgħinek tapprezza kull jum ta’ ħajtek.”
