
Battalja legali mirbuħa mill-Backstreet Boys
Jingħataw $99,000 biss mill-$3.45 miljun li xtaqu

Il-Backstreet Boys rċivew l-aħħar ħlas tal-battalja legali li kellhom kontra dak li kien il-maniġer tagħhom, Lou Pearlman, li llum hu finanzjarjament fallut. Il-ħlas ammonta għal $99,000 biss mill-$3.45 miljun li xtaqu. Il-ftehim kien jinkludi wkoll xi tapes li ġew rekordjati fi studjo bil-kanzunetti bħal fosthom ‘If You Knew What I Knew’ kif ukoll uħud mix-shows live li tat il-band.
Ir-recordings kienu nżammew mill-qorti wara li l-awtoritajiet għalqu l-istudio ta’ Pearlman f’Orlando waqt li kienu qegħdin isiru l-investigazzjonijiet kontra l-frodi fl-2006 u fl-2007 mill-FBI. Pearlman spiċċa l-ħabs għal 25 sena wara li nkixfet l-iskema Ponzi ta’ $300 miljun immexxija mill-kumpaniji tiegħu Trans Continental.
“Hemm ħafna affarijiet interessanti hemmhekk, imma għadna ma analizzajniehomx u ma smajniex kollox. Hemm xi mixes, demos u materjal oriġinali li jista’ jkun ta’ interess anki għall-ammiraturi tagħhom,” qal Clay Townsend, l-avukat tal-band. B’kollox il-Backstreet Boys irċivew lura 34 audio tape reels, 26 CDs, seba’ studio mastering audio tapes, sitt posters issiġillati, 3 cassettes u tape VHS.