
Novella minn J.K. Rowling għal Halloween
Il-kap tal-iskola krudili ta’ Harry Potter terġa’ tingħata l-ħajja

Il-kittieba ta’ Harry Potter kitbet novella ta’ 1,700 kelma dwar Prof. Dolores Umbridge li se titnieda fuq l-internet dakinhar ta’ Halloween.
Skont is-sit Pottermore.com, li ħabbar dan l-avveniment, J.K. Rowling iddeċidiet tikteb dwarha għax Umbridge mhux talli hi waħda mill-aktar karattri kefrin fil-kotba ta’ Harry Potter imma hi l-unika waħda, minbarra Lord Voldemort, li ħalliet ċikatriċi fiżika għal dejjem fuq Harry.
Il-kap tal-iskola Hogwarts, parti magħmula minn Imelda Staunton fil-films, hi l-karattru ideali biex tikteb dwaru għal żmien Halloween minħabba li kienet tieħu gost tittortura lill-istudenti.
Rowling ippubblikat żewġ stejjer oħra iktar kmieni din is-sena: waħda dwar Harry Potter fl-età ta’ 33 sena waqt il-Quidditch World Cup u l-oħra dwar is-saħħara li tkanta, Celestina Warbeck. Il-kittieba qed tikteb ukoll script għaċ-ċinema, ‘Fantastic Beasts and Where to Find Them’, li hu spinoff ta’ Potter u mistenni jinħareġ f’Novembru tal-2016.
