Iben is-soru se jagħlaq sena u isem missieru baqa' mistur
Is-soru ammetiet li l-missier hu minn El Salvador iżda ismu ma tridx tiżvelah
Ingħata isem bħal dak li ħa l-Papa preżenti, Francesco, imwieled minn soru ta' 32 sena, minn El Salvador Roxana Rodriguez iżda isem missieru tafu ommu biss. Qalet li hu raġel minn El Salvador iżda ismu se żżommu għaliha.
Roxana eks soru tal-'Piccole discipoli di Gesu' illum bdiet taħdem u bdiet tgħix ma' familja li żammitha magħha minn Ruma. B'hekk tista' tibda ħajja ġdida 'l bogħod mill-mezzi tax-xandir li baqgħu jsegwuha. Hi stess ammettiet li qatt ma tista' tmur tgħix pajjiżha f'El Salvador għax il-każ tagħha qajjem għagħa sħiħ.
Din is-soru kienet qed tħoss uġiegħ f'żaqqha u tard fil-gravidanza tagħha indunaw li din kienet tqila meta hi dakinhar qalet li ma taf b'xejn la li kienet tqila u lanqas kif setgħet inqabdet. U kien dan l-aktar li qajjem kontroversja madwar id-dinja. Iżda wara ammettiet din ir-relazzjoni sesswali li kellha mar-raġel minn El Salvador anke jekk hi qatt ma riedet ssemmi ismu u l-identità tiegħu.
Wara sitt xhur li hi għexet ma' familja minn Rieti, issa telqet lejn Ruma fejn il-familja li laqgħetha tatha wkoll xogħol u issa qed taspira li ma jagħrafha ħadd iżjed u tkun tista tgħix ħajja trankwilla flimkien ma' binha Francesco.
Qabel sabet din il-familja, negozjant Ruman, Giuliano Proni kien wegħedha solennament quddiem il-kameras tal-Mediaset li hu kien lest jipprovdila futur ekonomiku għal binha sa ma jilħaq l-età ta' maġġorenni. Iżda dan in-negozjant qatt ma nstema' iżjed xejn mingħandu u sparixxa. Iżda Jimmy Ghione ta' 'Striscia la Notizia' kien sabu u dan bagħat lil ibnu jgħidilhom li n-negozju tiegħu kien għaddej minn diffikultajiet kbar finanzjarji u ma setax iżomm kelmtu.