
Jack Nicholson irnexxielu jbikkiha għal 3 ijiem
Anjelica Huston tirrakkonta il-memorji tagħha f’Watch Me

L-attriċi Amerikana Anjelica Huston, probabbilment magħrufa l-aktar għar-rwol tagħha Morticia fil-film The Addams Family, kixfet il-miżerja li għaddiet minnha fir-relazzjoni li kellha mal-attur Jack Nicholson. Huston kitbet dwar din ir-relazzjoni, li damet għaddejja 16-il sena bejn l-1973 u l-1989, fit-tieni ktieb bil-memorji tagħha, Watch Me. L-ewwel wieħed, A Story Lately Told, ħarġitu s-sena li għaddiet.
Minkejja li kienet tħobb ħafna lil Nicholson, kien iweġġagħha ħafna bin-nuqqas ta’ fedeltà lejha, li lanqas biss kien jaħbiha u li bdiet mill-ewwel sena tagħhom flimkien. Tirrakkonta kif fl-1974 meta kienu flimkien għall-Festival ta’ Cannes fi Franza, kien jaċċetta rikbiet fuq il-mutur minn tfajliet fil-preżenza tagħha, waqt li lilha jħalliha l-art.

L-iktar darba li kissrilha qalbha kien meta kienu qegħdin jaraw programm The Newlywed Game u Nicholson beda jwaqqa’ ż-żwieġ għaċ-ċajt. Huston qaltlu, “Kieku għandek il-bajd, tiżżewwiġni.
Ir-risposta tiegħu kienet, “Niżżewġek? Qed tiċċajta?” li waslet biex għamlet tlitt ijiem tibki, l-aktar minħabba li ma kienx lest li jikkommetti lilu nnifsu magħha biss.
Ir-relazzjoni tagħhom intemmet meta l-attur taqqal lill-mudella u attriċi Rebecca Broussard u li wasslet biex qala’ daqqtejn sew mingħand Huston.