Ieqfu nkwetaw fuq is-subien! – parir minn Katy Perry
Ċerti skejjel irrabjati għall-iskola li għażlet li żżur u tagħti donazzjoni
Ilbieraħ il-bniet ta’ skola Awstraljana qatgħu xewqithom meta żarithom Katy Perry. Iż-żjara saret minħabba vidjo li għamlu erba’studenti mil-Loreto Mandeville Hall College ta’ Melbourne li skont Perry kien mimli ferħ u innoċenza. Dan intagħżel minn 300 sottomissjoni.
Waqt iż-żjara, minbarra li l-iskola ngħatat il-premju rebbieħ ta’ $10,000, il-kantanta qalet lit-tfal: “Ieqfu nkwetaw dwar is-subien. Itellfulkom ħafna l-attenzjoni. Dejjem hemm se jkunu.”
Iżda ċerti skejjel garrew dwar l-għażla ta’ Perry għax tat premju fi flus lil skola li diġà hi avvanzata fil-qasam tal-arti, waqt li skejjel oħra għadhom lura ħafna u somma bħal dik kienet iġġibhom fuq saqajhom.
Perry tkellmet ma’ portal Awstraljan kif ma kellix edukazzjoni stabbli minħabba xogħol il-ġenituri tagħha. Huma kienu joħorġuha u jdaħħluha minn skola għall-oħra għax kienu ministers li jivvjaġġaw u jmorru fejn mitluba jipprietkaw ir-reliġjon tagħhom.
Meta studenta ta’ tmien snien mill-iskola ta’ Melbourne staqsiet kif tista’ ssir kantanta, Perry ħeġġitha ħafna: “Tista’ tibda twettaq il-ħolm tiegħek minn kwalunkwe età għax jien bdejt meta kelli disa’ snin. Kont naqbad u ndoqq il-pjanu jew naqbad kitarra f’idi.”
Il-kantanta bħalissa għaddejja bil-Prismatic tour tagħha fl-Awstralja u New Zealand.