
Id-Dukessa mbikkma tgħannaq omm li tilfet lil bintha
Middleton preżenti għat-tnedija tal-kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-East Anglia Children’s Hospices (EACH)

Id-Dukessa Kate Middleton kienet imbikkma meta għannqet omm li tilfet lil bintha ta’ tliet xhur kważi sena ilu minħabba kundizzjoni rara f’qalbha. Dan ġara wara li l-omm tkellmet waqt it-tnedija ta’ kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-East Anglia Children’s Hospices (EACH) biex jibnu faċilitajiet ġodda ta’ £10 miljun f’Norfolk. Id-Dukessa ilha l-patruna rjali ta’ EACH mill-2012.
Middleton, li tinsab tqila bit-tieni wild, għannqet lil Leigh Smith, omm ta’ 33 sena, li kienet qed titriegħed wara li rrakkuntat l-esperjenza ta’ bintha Beatrice u l-wens u l-appoġġ li ngħatat minn EACH qabel u wara mewtha.
“Kate fittxitni u għannqitni qabel telqet. Kienu ddemmgħuli għajnejja u anki hi, u ġiet fuqi u qaltli: ‘Int mara kuraġġuża u nerġa’ ngħidlek li jiddispjaċini’,” irrakkuntat Smith. Żiedet tgħid li f’mument diffiċli waqt il-luttu ta’ bintha, kitbet ittra lid-Dukessa, biex tfaħħar lill-ħaddiema ta’ EACH u rċeviet lura ittra personali mingħandha.
“Kont sorpriża ħafna li bagħtitli ittra b’kummenti personali u ffirmata minnha. Kien ġest apprezzat u għeni waqt żmien ikrah. Messitni li ħadet il-ħin taqra l-ittra tiegħi u li twieġeb hi stess. Turi kemm jimpurtaha. Meta ltqajt magħha llum ftakret fl-ittra u qalet li kien unur għalija li tiltaqa’ miegħi. Issorprendietni – għalija kien unur li jien niltaqa’ magħħa,” tenniet Smith.
